MGA: €66.3 miljun minn liċenzji u taxxa tal-logħob

L-Awtorita’ Maltija għal-Logħob (MGA) għandha kif tippubblika r-Rapport Annwali u r–Rapporti Finanzjarji tagħha għas-sena 2017

Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-ħidma mwettqa matul is-sena mill-MGA, li kienu ffukati fuq il-finalizzazzjoni tal-Att il-Ġdid dwar il-Logħob li ser jidħol fis-seħħ fix-xahar id-dieħel, kif ukoll fuq it-tisħiħ tas-sistemi tagħha, li jinkludu l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Raba’ Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus.

Mir-Rapport Annwali joħroġ li l-MGA iġġenerat dħul totali ta’ €66.3 miljun minn ħlas ta’ liċenzji, mit-taxxa tal-logħob u minn tariffi u multi amministrattivi oħra, meta mqabel mat- €62.5 miljun fl-2016. Dan jirrapreżenta żieda ta’ €3.7 miljun jew żieda ta’ 6% fuq is-sena ta’ qabel.

Il-kontribuzzjoni diretta mill-industrija tal-logħob fl-ekonomija Maltija kienet stmata ta’ €1.1 biljun fl-2017, fejn madwar 9,800 impjieg ‘full-time’ kienu maħluqa fi ħdan operaturi li jaħdmu fis-settur b’mod dirett u f’negozji oħrajn li huma assoċjati.

Fl-2017, l-MGA saħħet aktar l-mekkaniżmi superviżjorji tagħha tal-AML/CFT, inkluż limplimentazzjoni tar-Raba’ Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus. Dan kien jinvolvi koperazzjoni mal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) biex ikunu żviluppati prattiċi u proċeduri, linjigwida speċifiċi għas-settur, u superviżjoni konġunta.

Fi stqarrija l-MGA qalet li laktar kisba importanti tagħha kienet il-finalizzazzjoni tal-Att il-Ġdid dwar il-Logħob li kien imressaq fil-Parlament aktar kmieni dis-sena. Din il-liġi ġdida hija prevista illi meta tidħol fis-seħħ fl-2018, ser tibdel kompletament il-mod kif l-Awtorita’ tirregola s-settur.

Fl-ippubblikar ta’ dan ir-rapport, Heathcliff Farrugia, Kap Eżekuttiv (CEO) tal-MGA, saħaq li: “Is-sena li għaddiet kienet probabilment waħda mill-aktar eċċitanti għall-MGA. L-isforzi kontinwi u l-ħidma bla waqfien tal-uffiċjali tal-MGA fuq diversi proġetti li l-Awtorità kienet nediet kienu qed jersqu lejn l-aħħar stadji tagħhom, fejn l-aktar notevoli kienu l-qafas ġdid regolatorju u r- Raba’ Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus.”