Alternattiva Demokratika stqarret li wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi għandhom jiġu investigati kriminalment dwar il-ftehim li sar mal-Vitals Global Healthcare.
Fi stqarrija, iċ-Chairperson Carmel Cacopardo qal li r-rapport jikkonkludi ċar u bla tlaqliq li l-konċessjoni kienet miftehema minn qabel u ddiżinjata biex jintużaw assi pubbliċi għal profitti enormi tal-privat.
Huwa qal li “hu ovvju li l-ministru stilla Konrad Mizzi tħalla jaġixxi b’mod li jiffavorixxi lil kumpaniji privati għas-skapitu tal-Gvern u tal-Istat Malti”.
“Joseph Muscat u l-Partit Laburista għalqu għajnejhom it-tnejn dwar dak li kien qed jiġri u huma ħatja ta’ negliġenza grassa,” temm jgħid Cacopardo.
Rapport xokkanti – Repubblika
Intant, il-moviment Repubblika insista li l-Prim Ministru għandu jiddikjara l-kuntratt tat-trasferiment tat-tliet sptarijiet bħal null wara dak li ħareġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Fi stqarrija, Repubblika qal li aktar minn hekk Robert Abela għandu jgħaddi l-informazzjoni kollha lill-inkjesta maġisterjali li qed issir kontra Konrad Mizzi, Chris Cardona u l-Ministru Edward Scicluna.
Skont Repubblika, ir-rapport tal-Awditur huwa xokkanti fejn indika li ħadd ma assuma r-responsabilità, ma saritx analiżi indipendenti u l-ftehim sar f’sitwazzjoni ta’ kollużjoni.
Irtira l-kuntratt minnufih – UĦM u MAM
Fi stqarrija konġunta, il-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalu li l-Gvern għandu jirtira dan il-kuntratt. Sostnew li bir-rapport li ġie żvelat illum l-ewwel wieħed minn tlieta, diġà ngħataw raġun meta erba’ snin ilu l-unjins qajmu dubji serji fuq kemm il-kuntratt hu ta’ benefiċċju għall-Maltin u l-Għawdxin.
Huma qalu, “Jidher li l-kuntratt huwa wieħed ivvizzjat u qatt ma kellu jsir. Dan sar għat-telf tal-miljuni kbar għad-dannu tal-pazjent Malti u Għawdxi. Il-Gvern għandu wkoll jassorbi l-ħaddiema kollha li huma impjegati ma’ Steward, iħallashom paga xierqa u jagħtihom is-serħan tal-moħħ li sal-lum għad ma kellhomx.”