Mexxejja tal-Knisja Irlandiża jappellaw għal tmexxija kuraġġuża

Il-Mexxejja tal-Knejjes fl-Irlanda b'vuċi waħda favur soluzzjoni

Il-mexxejja tal-Knejjes ewlenin fl-Iralnda qalu fi stqarrija komuni li t-taħditiet bejn il-partiti politiċi tal-Irlanda ta’ Fuq biex ikunu restawrati istituzzjonijiet devoluti, joffru opportunità ġdida ta’ tama għall-futur li jitolob tmexxija kuraġġuża.

Il-Mexxejja taċ-Church of Ireland, il-Knisja Metodista tal-Irlanda, il-Knisja Kattolika Rumana, il-Presbyterian Church u l-Kunsill tal-Knejjes Irlandiżi kienu qed jiltaqgħu f’Belfast biex jinkoraġixxu lil dawk li qed jieħdu sehem fit-taħditiet bejn il-partiti.

Fi tmiem il-laqgħa tagħhom il-Mexxejja tal-Knejjes ħarġu  stqarrija fejn qalu li “Bħala mexxejja tal-knejjes ewlenin Irlandizi rridu nżidu l-vuċi kollettiva tagħna biex nappoġġjaw u ninkoraġixxu lil kulmin qed jieħu sehem fit-taħditiet biex jaħtfu l-opportunità għal bidu ġdid.

Inizjattiva ġdida

“Filwaqt li nilqgħu din l-inizjattiva ġdida, nittamaw u nitolbu li jkun hemm progress sostanzjali fil-ġimgħat li ġejjin li jibni relazzjonijiet u jimla l-ħofor li għad fadal u jwassal biex ikollna eżekuttiv sostenibbli li jkun mibni fuq fiduċja u li fil-qalba tiegħu jkollu r-rikonċiljazzjoni u l-ġid komuni.

“Wara li ltqajna mal-mexxejja tal-ħames partiti ewlenin u wara li organizajna diversi laqgħat ma’ rappreżentanti u mams-soċjetà ċivili, bqajna impressjonati  bir-rieda ġenwina ta’ dawk  involuti li jaħdmu flimkien. Fl-istess waqt, rridu nkunu realistiċi dwar l-isfidi li hemm quddiemna biex jintlaħaq il-ftehim meħtieġ.

“Fil-knejjes tagħna, f’għaqdiet tal-knejjes u fil-bqija tas-soċjetà qed naraw kuljum l-impatt negattiv tal-fatt li ma għandniex Gvern li jiffunzjona. Fil-komunità hawn ukoll sens ta’ desolazzjoni u disperazzjoni għax ma sar ebda progress.

“F’ġieħ dawk li huma vulnerabbli fis-soċjetà, il-vittmi tal-passat ta’ pajjiżna, f’ġieħ it-tfal tal-iskejjel u dawk li għandhom bżonn servizzi ta’ saħħa u servizzi soċjali aħjar, issa hu żmien li tinstab soluzzjoni għall-imblokk politiku.

Niġru dak il-mil aktar

“Il-Muelj Ġesù qed isejħilna biex niġru dak il-mil aktar għal xulxin u nagħmlu dak li hemm bżonn għall-ġid komuni. Filwaqt li ż-żmien ta’ dawn it-taħditiet jista’ ma jkunx wieħed ideali, nemmnu li din hi opportunità ġdida li twieldet minn traġedja imma toffri ħafna tama għall-futur li jitlob tmexxija kuraġġjuża.

“Kultant tant ikunu ffukati fuq l-affarijiet li għalina huma importanti li ninsew nikkunsidraw biżżejjed it-tħassib li hu mportanti għall-oħrajn. Iżda tista’ tinstab it-triq ‘l quddiem jekk ilkoll ikollna xewqa ġenwina biex insibu bilanċ li jservi l-ġid komuni. Din hi biċċa xogħol diffiċli iżda mhux impossibbli. Għalhekk qed nappoġġjaw u ninkoraġixxu lil dawk kollha li qed ifittxu din is-soluzzjoni”, ttemm tgħid id-dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-Knejjes fl-Irlanda ta’ Fuq.

Id-dikjarazzjoni kienet iffirmata mir-Rev. Dr. Richard Clarke, Arċisqof taċ-Church of Ireland u Primat tal-Irlanda;  L-Arċisqof Kattoliku Eamon Martin u Primat tal-Irlanda kollha; Rev. Dr. Charles McMullen, Moderatur tal-Assemblea Ġenerali tal-Presbyterian Church; Rev. William Davison, President tal-Knisja Metodista; u Rev. Brian Anderson, President tal-Kunsill Irlandiż tal-Knejjes.