Mexxejja tal-Knisja Ġermaniża jiddeploraw vjolenza xenofobika

Knisja Ġermaniża vjolenza xenofobika
Pulizija Ġermaniża ta’ kontra l-irvellijiet tgħasses waqt protesta kontra l-imigranti li fiha nqatel raġel b’daqqiet ta’ sikkina

Il-mexxejja tal-Knisja Kattolika fil-Ġermanja kkundannaw bil-qawwa l-irvellijiet kontra l-imigranti li seħħew f’belt fil-Lvant tal-pajjiż wara li raġel Ġermaniż inqatel fi ġlieda ma’ imigranti.

“Dan il-qtil hu delitt kriminali li għandu jkun solvut u jittieħdu passi fuqu skont il-liġi. Iżda dan qatt ma’ jista’ jiġġustifika, demostrazzjonijiet xenofobiċi u inumani,” qal l-Isqof Heinrich Timmerevers ta’ Dresden.

“Mill-perspettiva nisranija, il-vjolenza ma tistax tkun risposta għall-vjolenza. Ebda offiża m’għandha tintuża biex tkun inċitata r-rabja u vjolenza kontra grupp etniku sħiħ”, qal l-Isqof.

L-irvellijiet ta’ tmiem ix-xahar f’Chemnitz ħallew mill-anqas 20 persuna feurti gravi meta l-pulizija ma rnexxielhom jifirdu madwar 6,000 persuna tal-lemin estrem minn grupp iżgħar li kienu qed jipprotestaw kontrihom.

Sadattant, il-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża ħeġġeġ lill-insara biex ikunu viġilanti u jieħdu azzjoni politika kontra n-“nazzjonaliżmu, l-inġustizzja u r-restrizzjoni tal-libertà.”

“Irridu naraw kif jitkellmu n-nies, kif ċerti pajjiżi jerġgħu lura għan-nazzjonaliżmu u kif il-lingwaġġ tal-ġlied qed jerġa’ jinstama’ mill-ġdid”, qal il-Kardinal Reinhard Marx ta’ Munich, waqt quddiesa fil-Knisja ta’ Gejtanu fi Munich.

“Bħala nsara nafu fejn iridu nkunu. Irridu napplikaw il-Vanġelu soċjali Kattoliku bil-prinċipji fundamentali tad-dinjità umana, l-libertà u l-ġustizzja għal kulħadd u l-impenn għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni,” qal il-Karidnal Marx.

Il-pulizija qalu li l-irvellijiet bdew meta Ġermaniż ta’ 35 sena qala’ daqqiet ta’ sikkina wara li attenda għal festival f’Chemnitz. Raġel Iraqin u ieħor Sirjan qed ikunu akkużati b’dan il-qtil.

Michael Kretschmer, President tas-Sassonja qal fuq ir-radju li l-atmosfera kienet waħda taħraq minħabba kummenti xenofobiċi, informazzjoni falza u teoriji ta’ tixwix li tpoġġew fuq il-media soċjali minn gruppi tal-lemin estrem fosthom il-moviment anti-musulman, il-Pegida.

Dawn l-irvellijiet li  l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel xebbħithom mal-marmalja, kienu l-aħħar inċidenti xenofobiċi fil-Ġermanja tal-Lvant fejn il-Gvern lokali kien kritika għax aċċetta emigranti u refuġjati.

Ir-Rettur tal-Knisja ta’ San Ġwann Nepomucene qal li f’Mejju li għadda kien hemm rally ferm akbar organizzat minn estremisti tal-lemin. “Qed nippruvaw inwieġbu għal dak li seħħ billi nispjegaw lin-nies li Alla jħobbhom u huma għandhom iħobbu lil xulxin, imma hawn l-insara huma ftit. Għalkemm hawn inizjattivi tajbin, il-komunitajiet spiritwali ftit jaħdmu u s-6,000 kattoliku għandhom vuċi dgħajfa f’komunità ta’ 247,000 persuna,” qal ir-Rettur.