Mexxejja tal-Knisja fl-Irlanda ta’ Fuq isejħu għal azzjoni kontra l-liġi dwar l-abort

Nies jipprotestaw kontra l-liberaliżazzjoni tal-liġijiet dwar l-abort

Mexxejja tal-Knejjes insara ewlenin fl-Irlanda ta’ Fuq esprimew “tħassib kbir” dwar il-possibbiltà li fil-pajjiż ikun impost mill-parlamentari Ngliżi, reġim fejn l-abort ma jkunx regolat. Sal-lum fl-Irlanda ta’ Fuq l-abort hu permess biss f’każi ta’ riskju serju għall-ħajja jew is-saħħa tal-omm.

F’Lulju li għadda, il-Parlament ta’ Westminster fl-Ingilterra għadda liġi li tilliberalizza l-abort fl-Irlanda ta’ Fuq, jekk sal-21 ta’ dan ix-xahar, il-partiti politiċi ewlenin fl-Irlanda ta’ Fuq ma jeleġġux Gvern.

Stqarrija flimkien

Fi stqarrija flimkien, il-mexxej tal-Knisja Kattolika, taċ-Church of Ireland, tal-Knisja Metodista, il-Knisja Presbiterjana u l-Kunsill Irlandiż tal-Knejjes, appellaw lill-fidili rispettivi tagħhom biex jaħdmu mal-politiċi biex jassiguraw li sal-21 ta’ dan ix-xahar, jeleġġu Gvern.

L-Irlanda ta’ Fuq ilha mingħajr Gvern mill-2017. Jekk ikun elett Gvern ġdid dan ikollu l-poter li jemenda jew iħassar kull liġi ġdida imposta mill-Ingilterra.

Dwar id-deċiżjoni tal-Parlament Ingliż fuq l-abort, l-istqarrija tal-Knejjes Irlandiżi tgħid li “Ma hemm xejn x’juri li t-tindiliet fil-liġi jirriflettu r-rieda tal-poplu li se jintlaqat minnhom, għax dawn in-nies ma kienux konsultati”.

Il-Mexxejja tal-Knejjes żiedu jgħidu li jridu li l-membri tagħhom “jitolbu, isejjħu għal bidla u jikkonvinċu lir-rappreżentanti eletti tagħhom” biex jassiguraw li din il-liġi ma tidħolx fil-pajjiż. Filwaqt li nafu li ż-żmien hu qasir “hu f’idejn il-partiti politiċi fl-Irlanda ta’ Fuq li jagħmlu xi ħaġa dwar dan”, tgħid l-istqarrija tal-Isqfijiet.

Jumejn ta’ talb

L-istqarrija tappella biex ikun hemm jumejn ta’ talb speċjali, fit-12 u t-13 ta’ dan ix-xahar fl-Irlanda kollha u ‘l hinn minnha b’talb kemm għall-protezzjoni tat-tarbija mhux mitwielda u għan-nisa li qed jiffaċċjaw żminijiet u tqala diffiċli flimkien mal-familji tagħhom.

Il-liġijiet dwar l-Abort fir-Republika tal-Irlanda kienu liberalizzati s-sena li għaddiet.