Mexxejja Reliġjużi Afrikani jikkundannaw ripressjoni brutali ta’ protesti fis-Sudan

Protesti favur tmexxija ċvili fis-Sudan

Erba’ persuni nqatlu f’ġurnta ta’ protesti f’Khartoum maħsuba biex jipperswadu l-Kunsill Militari Transitorju li f’April ħa l-poter minn idejn il-President Omar El Bashir, biex iċedi l-poter lil Gvern ċivili.

Il-partit tal-Oppożizzjoni qed isostni li mill-anqas 118 il-persuna mietu mit-3 ta’ Ġunju ‘l hawn meta l-militar attakka lid-dimostratnti li kienu qed jagħmlu “sitin” f’Khartoum. Il-protesti wasslu għar-riżenja ta’ Bashir iżda l-Ġunta Militari li ħadet il-poter ma tridx tgħaddih lil persuni ċivili.

Ripressjoni

Il-Kunsill tal-Mexxejja Reliġjużi Afrikani fi stqarrija ffirmata mill-Karfdinal Jojn Onaiyekan, Arċisqof ta’ Abuja, ikkundanna bil-qawwa it-tħarbit u ripressjoni bl-użu ta’ forza brutali ta’ dimostrazzjonijiet paċifiċi.

“Nikkunannaw bil-qawwa kollha r-risposta vjolenti tal-Kunsill Militari Transitorju biex ikisser protesti paċifiċi fit-toroq ta’ Khartoum. L-użu tal-forza brutali biex jitferrxu dimostranti paċifiċi hi traġika u xokkanti”. L-istqarrija rappurtata mill-aġenzija “FIDES” tgħid li biex jitwaqqfu l-protesti ntużat vjolenza fiżika, munizzjon, attakki fuq ċentri mediċi u arresti mingħajr proċessi ġusti ta’ attivisti li qed jeżerċitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni. “Aħna solidali ma’ min qed jipprotesta paċifikament”, qalu l-Isqfijiet.

Prudenza miIl-militar

“Aħna nsejjħu lill-militar tas-Sudan biex ikun prudenti u jwaqqaf l-attakki fuq ċentri tas-saħħa u jħalli passaġġ liberu u sigur għas-servizzi kollha tas-saħħa. Il-militar għandu josserva s-Saltna tal-Liġi u jeħles lil dawk kollha li qed jinżammu arrestati bla ebda proċess”.

Il-messaġġ itemm billi jagħmel appell għad-djalogu bejn il-Kunsill Militari Transitorju u l-alleanza tal-Oppożizzjoni, biex fis-Sudan jerġa’ jkun hemm il-paċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun iffurmat Gvern li jilħaq il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu.