Mexxejja Pakistani Misilmin jiġġieldu l-estremiżmu

Mexxejja Musulmani jaqraw id-Dikjarazzjoni ta' Islamabad
Aktar minn 500 mexxej Musulman mill-Pakistan iffirmaw dik li qed tissejjaħ id-Dikjarazzjoni ta’ Islamabad li fiha kkundannaw pubblikament it-terroriżmu, il-vjolenza mwettqa f’isem ir-reliġjon u l-fatwi li joħorġu membri radikali tal-kleru.
Id-Dikjarazzjoni kienet iffirmata fil-kapitali tal-Pakistan waqt laqgħa organizzata  mill-Kunsill tal-Mexxejja Iżlamiċi.  Din l-inizjattiva tindika bidla fid-direzzjoni fl-attitudni lejn minoritajiet reliġjużi u s-setta Iżlamika tal-Ahmadi.
Il-Mexxejja Musulmani ddikjaraw l-2019 bħala sena li fiha jridu jeqirdu t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-vjolenza settarja fil-Pakistan u sostnew li ċittiadini li mhumiex Musulmani għandhom l-istess drittijiet daqs persuni oħra.
Fr Bonnie Mendes, saċerdot Kattoliku Pakistani qal lill-aġenzija “Fides” li “Id-Dikjarazzjoni ta’ Islamabad hi pass fid-direzzjoni t-tajba. Hemm bżonn niżviluppawha biex intejbu d-dehra tal-pajjiż: din hi t-triq ‘l quddiem. Il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jagħmlu liġijiet tajbin filwaqt li s-soċjetà ċivili, il-komunitajiet reliġjużi u ċ-ċittadini kollha jridu jaħdmu flimkien għall-progress soċjali, ċivili u kulturali tal-pajjiż.”
Id-Dikjarazzjoni tirrikonoxxi li l-Pakistan hu pajjiż multietniku u multireliġjuż u li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jassigura l-protezzjoni tal-ħajja ta’ kull ċittadin fil-Pakistan anke dawk li mhumiex Musulmani.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet ‘Zenit’ id-Dikjarazzjoni ta’ Islamabad tikkundanna l-qtil li jsir bl-iskuża tar-reliġjon għax dan imur kontra t-tagħlim Iżlamiku li jgħid li ebda setta ma għandha tkun iddikjarata illegali għax kull ċittadin, irrispettivament mir-reliġjon tiegħu jew setta li jappartjeni għaliha għandu dritt kostituzzjonali li jgħix fil-pajjiż u jimxi fuq il-kultura u l-prinċipji reliġjużi tiegħu.
Id-Dikjarazzjoni tagħti d-dritt lill-gruppi reliġjużi li jorganizzaw lilhom infushom b’mod awtonomu u titlob lill-awtoritajiet ċivili biex jipprojbixxu kull materjal li jinċita l-mibegħda reliġjuża u jikkastiga lil kull min jhedded “il-postijiet sagri mhux Musulmani filwaqt li jimplimenta pjan ta’azzjoni nazzjonali kontra l-estremiżmu.”
Attivista favur id-drittijiet umani qal lill-aġenzija “Fides” li huma japprezzaw u jagħrfu l-isforzi biex jieqaf l-estremiżmu u l-kontribuzzjoni lejn it-tolleranza, il-paċi, il-ġustizzja u l-ugwaljanza fis-soċjetà. Hemm bżonn li dan il-messaġġ nifirxuh mal-komunitajiet kollha.”