Mexxejja Kattoliċi fl-Awstralja jgħidu li sar progress fil-problema tal-abbużi

Awstraljani jifirħu bir-raġġort tar-Royal Commission dwar l-abbużi sesswali mill-kleru

Mexxejja Kattoliċi fl-Awstralja ssottomettew rapport lill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Ħarsien tat-Tfal li fih elenkew il-progress li għamlet il-Knisja fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Rjali dwar l-Abbużi Sesswali.

Il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport mill-Konferenza Episkopali Awstraljana u l-organiżazzjoni Catholic Religious, ħabat mat-tieni anniversarju tar-Rapport finali tal-imsemmija Kummissjoni.

“F’din is-sena, bejn l-2018 u l-2019, sar progress sinjifikanti f’diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, fir-riforma tal-governanza u f’għajnuna lill-vittmi tal-abbużi sesswali fuq it-tfal” qa l-Arċisqof Mark Coleridge, President tal-Konferenza Episkopali.

Attenzjoni

“Hu ċar li kull istituzzjoni li taħdem mat-tfal, dejjem trid tkun attenta u taħdem biex tassigura li jkun hemm proċeduri b’saħħithom u effettivi biex tinħoloq kultura li taħseb għal azzjoni deċisiva u fil-pront, meta jsiru xi allegazzjonijiet ta’ abbuż”.

Br. Peter Carroll, President tal-Catholic Religious qal li meta aktar kmieni din is-sena l-Knsija adottat in-“National Catholic Safeguarding Standards” kien mument importanti f’din il-ġlieda.

“Il-proċeduri adottati mid-djoċesi u l-istituti reliġjużi huma titjib fuq l-10 punti elenkati mill-Kummissjoni Rjali u b’hekk żdied saff ieħor ta’ protezzjoni li jirrifletti ċ-ċirkostanzi tal-Knisja Kattolika”.

Br Peter enfasizza li hu mportanti li qed isir xogħol biex ikunu żviluppati linji gwida nazzjonali biex tissaħħaħ it-tweġiba għat-tħassib dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż kemm tal-passat kif ukoll oħrajn aktar riċenti. Dawn il-linji gwida qed jitfasslu bl-għajnuna tal-istess vittmi tal-abbuż u dan ix-xogħol se jkompli anke s-sena d-dieħla.

“Il-Konferenza Episkopali u Catholic Religious qed jaħdmu flimkien biex joħolqu u jsaħħu r-rimedji mibnija fuq prattiċi tajba u li jirriflettu fehmiet Kattoliċi. Kif nipproteġu li dawk li huma fdati fil-kura tagħna u kif ngħinu lil nies li kienu mweġġgħa mill-Knisja, hu l-qofol tal-ministeru tagħna”, qal Br. Peter.

Protezzjoni

Fil-Knisja Kattolika, fid-djoċesijiet Kattoliċi kollha u l-istitut reliġjużi ewlenin qed jadottaw dawn il-proċeduri nazzjonali. L-Arċisqof Coleridge qal li dawn il-proċeduri nazzjonali juru t-triq li l-vittmi tal-abbuż għandhom jieħdu.

“Permezz tal-proċeduri, l-vittmi jistgħu jew jikkuntattjaw lill-istituzzjonijiet direttament jew inkella javviċinaw xi uffiċċju apposta, bħal “Towards Healing”. Oħrajn jistgħu jieħdu azzjoni ċivili. Il-Knisja min-naħa tagħha qed tagħmilha ċara li allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali għandhom isiru lill-Pulizija għax din it-tip ta’ mġieba hi kontra l-liġi,” qal l-Arċisqof.

Kemm il-President tal-Konferenza Episkopali kif ukoll il-President ta’ Catholic Religious kkonfermaw l-impenn bla riserva tal-Knisja li tassigura li t-tfal u persuni vulnerabbli jkunu siguri f’postijiet immexxija minnha.