Mexxejja Katalani akkużati b’ribelljoni “jaħarbu” lejn Brussell

Prosekuturi Spanjoli talbu li jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-mexxejja Katalani wara li r-reġjun iddikjara l-indipendenza mill-bqija ta’ Spanja.
L-eks-President Katalan, Carles Puigdemont u mexxejja oħra mistennija jkunu akkużati li kkawżaw irvell, iżda wkoll akkużati b’provokazzjoni u anke sedizzjoni.
Intant, jidher li Carles Puigdemont u ministri oħra Katalni ħallew Spanja u jinsabu fil-kapitali Belġjana, Brussell.
Qed ikun irrappurtat li dawn talbu li jiltaqgħu mal-mexxejja tal-pajjiż u mhux eskluż li jitolbu protezzjoni.
Il-mexxejja Katalni tneżżgħu mill-poter wara li l-Gvern ta’ Madrid neħħa l-awtonomija tal-Katalunja u saħansitra xolja l-Parlament biex issir elezzjoni bikrika f’Diċembru.
Intant anke l-Avukat Ġenerali Spanjol qal li l-mexxejja Katalni għandhom ikunu akkużati b’miżaproprijazzjoni ta’ fondi meta baqgħu sejra bir-referendum minkejja li dan kien iddikjarat illegali mill-Qorti Kostituzzjonali.
Il-mexxejja Katalni jistgħu jaffaċċjaw sa massimu ta’ 30 sena ħabs.