Barranin jirreaġixxu dwar ir-rebħa ta’ Joseph Muscat

Fi ftit ħin wara li uffiċjalment il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali, kienu bosta dawk il-mexxejja li kkummentaw fuq ir-riżultat, uħud li faħħru lil Joseph Muscat, filwaqt li wħud esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, jidher li kien l-ewwel persuna li ferħet lil Joseph Muscat bi tweet. Tusk kiteb li huwa ħerqan biex ikompli jaħdem ma' Dr Muscat.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal ukoll fi tweet li r-rebħa ta' Dr Muscat hija turija ta' tmexxija tajba. Juncker kiteb ukoll ittra li fiha esprima l-ħerqa tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem mal-Gvern Laburista kif ukoll mal-pajjiż li bħalissa qed imexxi l-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-UE. Huwa temm l-ittra jgħid li fuq livell personali, ħerqan sabiex jiltaqa' ma' Dr Muscat aktar tard dax-xahar.
Min-naħa tiegħu l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold qal li r-riżultat elettorali f’Malta ma jnessix l-investigazzjonijiet li qed isiru dwar il-Panama Papers. Fi stqarrija Giegold awgura lill-Gvern Laburista talli rnexxielu jerġa’ jiġi elett, madanakollu stqarr li l-elezzjoni ma tiħux post l-investigazzjonijiet tal-allegati ħasil tal-flus.
Sadanittant, l-Ambaxxatur Olandiż għal Malta, Joop Nijssen, qal li jħares 'il quddiem biex ikompli jaħdem ma' Dr Muscat, speċjalment fl-aħħar ftit li fadal mill-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-UE. Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, il-PES, qal li Malta għażlet il-progress soċjali, u feraħ lil Muscat.
 
Fir-ritratt: Donald Tusk (xellug) u Jean-Claude Juncker (lemin)