Mexxej Kattoliku f’Togo jgħid lill-politiċi biex ikunu “patrijotti”

Mexxej Kattoliku Togo politiċi patrijotti
Faure Gnassingbe ilu President tat-Togo għal 13-il sena u jrid ikompli

Saċerdot Kattoliku prominenti fit-Togo ikkritika bl-aħrax lill-mexxejja politiċi tal-pajjiż għax qed jinjoraw it-talbiet leġittimi tal-poplu għad-demokrazija.

“F’diversi okkażżjonijiet il-poplu tat-Togo – u intom ulied dan il-pajjiż – wera b’mod ċar li l-għażla tiegħu hi favur id-demokrazija fit-tmexxija tal-pajjiż. Sfortunatament l-esiġenzi demokratiċi bażiċi li qed jitlob il-poplu, qed ikunu njorati mill-mexxejja politiċi, qal Fr Pierre Marie Chanel Affognon, f’ittra miftuħa lill-politiċi tal-pajjiż.

Affognon hu l-kappillan tal-Assoċjazzoni tal-Mexxejja Kattoliċi ta’ Togo.  Hu ilu jokkupa din il-kariga mill-2015 meta l-Knisja Kattolika fil-pajjiż iddeċidiet li toħloq din il-kariga biex ikun hemm direzzjoni spiritwali għal dawk li huma meqjusa bħala l-elite tal-pajjiż u huma membri tal-Knisja Kattolika.

Minn Awwissu tas-sena li għaddiet, il-partiti tal-oppożizzjoni ilhom jorganizzaw dimostrazzjonijiet fit-toroq u jitolbu biex terġa’ tidħol il-Kostituzzjoni tal-1992 li kienet tillimita l-mandat tal-presidenza tal-pajjiż.

Il-President attwali, Faure Gnassingbé ilu fil-poter mill-2005 wara l-mewt ta’ missieru li mexxa lit-Togo għal 38 sena.

L-Isqfijiet Kattoliċi tat-Togo huma favur li jkun limitu għat-terminu tal-presidenza u wissew li l-kunflitt politiku jista’ jieħu sfumaturi reliġjużi u tribali f’pajjiż fejn 30% huma Kattoliċi, 20% Musulmani u 50% jipprattikaw diversi reliġjonijiet indiġeni.

Fl-ittra tiegħu Affognon qal li l-klassi politika wieġbet għas-sejħa tal-poplu għad-demokrazija “b’ħafna mwiet, familji mkissra, nies li sparixxew, eżilji, arresti arbitrarji, tortura, persuni mitfugħa l-ħabs u tkissir materjali.”

Żied jgħid li l-pajjiż qed isofri u kkritika lill-mexxejja politiċi li bil-kliem jgħidu li qed jaħdmu għall-paċi u l-istabilità fil-pajjiż imma fil-verità ma rnexxielhomx il-kawżi tal-faqar u l-miżerja li hemm.

“Is-sitwazzjoni hi gravi, u d-dinjità tal-poplu qalbieni tagħna titlob li intom tieħdu passi konkreti biex tippromwovu l-ħajja u mhux iżżidu l-kultura politika tal-mewt”, kiteb Fr Affognon.

“Essenzjalment il-kriżi soċjo-politika tal-pajjiż tisfida lil kull wieħed minnkom biex tissagrifikaw b’mod definit l-interessi personali, etniċi u partiġġjani tagħkom li ħafna jqisuhom bħala ‘egoistiċi’, biex ittejjbu l-ġid komuniti li hu l-aqwa ġid tan-nazzjon”, qal Fr. Pierre Marie.

Hu appella lill-mexxejja politiċi li jagħmlu “atti ta’ patrijottiżmu” u jnaddfu d-dehra maħmuġa tagħhom f’għajnejn il-poplu. “Intom kapaċi tagħmlu dan. Tisennewx li ħaddieħor jibni mill-ġdid pajjiżna u taħsbux li pajjiżi oħra jħobbu lit-Togo u n-nies tagħha aktar minnkom,” temm jgħid il-mexxej  kattoliku.