Filmat: “Mexxej għandu jaħrab it-tentazzjoni li jabbuża mill-awtorità tiegħu”

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li mexxej huwa msejjaħ biex jiddedika ħajtu għall-ġid tal-oħrajn u jaħrab kull tentazzjoni li jabbuża mill-awtorità li għandu, għall-gwadann personali, għall-profitt jew għall-vantaġġ tiegħu.

Fl-Omelija waqt quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-55 anniversarju mill- Indipendenza, Mons. Scicluna rrifletta dwar il-governanza bħala l-arti tal-amministrazzjoni tal-Istat fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali.

Fisser li mexxej politiku għandu s-sejħa li bir-riedni tal-Istat f’idejh, ikun ta’ servizz lejn is-soċjetà u l-promozzjoni tal-ġid komuni. Fi kliem l-Arċisqof, huwa wkoll il-qaddej li jiggarantixxi u jġib ‘il quddiem l-ordni, l-istabbiltà u l-paċi.

“Il-ġid veru ta’ kull min jgħix fid-dar hu fdat f’idejn il-mexxej li għandu jagħraf li d-dar mhix tiegħu u ma jistax jabbuża minnha kif jidhirlu hu. Huwa qaddej, u s-sejħa tiegħu hi li jaqdi mhux li jkun moqdi”, irrimarka Mons. Scicluna.

“Prezz politiku għoli għal deċiżjonijiet skont il-kuxjenza”

L-Arċisqof insista li biex mexxej jaqdi s-sejħa bl-aħjar mod li jista’, jeħtieġ li jkollu sens san ta’ distakk, ħelsien intern u psikoloġiku, u l-umiltà li jaffaċċja l-kuntrarju u l-fallimenti. Dan meta l-affarijiet ma jmorrux skont il-pjan jew meta jkun hemm bżonn deċiżjonijiet skont il-kuxjenza, li jkunu ibsin u li għalihom ikun irid jitħallas prezz politiku għoli.

Waqt li kkwota mill-Evanġelju, l-Arċisqof stqarr li aspett importanti ieħor tas-sejħa tal-mexxej huwa r-responsabbiltà għal għemilu jew il-kontabbiltà. Spjega li dan ikun ifisser li t-tmexxija tkun suġġetta għall-iskrutinju tal-pubbliku.

Mons. Charles Scicluna enfasizza li f’demokrazija ta’ vera, il-mexxej jaf tajjeb li jrid jagħti kont lill-poplu li jservi, kemm mill-aspett politiku kif ukoll minn dak legali. Sostna li mexxej iħaddan il-politika bħala servizz lejn il-ġid komuni u jirrispetta l-fatt li hu mhuwiex ‘il fuq mil-liġi.

“Għandna nibqgħu nippromwovu r-rispett tad-drittijiet umani”

Mar lura fl-1967, meta Malta, friska mill-Indipendenza kienet strumentali biex tippromwovi l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Saħaq li din il-globalizzazzjoni tal-ħarsien għandha tinkoraġġina biex inkunu attivi fl-ambjenti internazzjonali sabiex nippromwovu sens ta’ fraternità fost il-ġnus. Żied jgħid li għalkemm bir-raġun nippretendu li pajjiżi Ewropej oħra jaqsmu magħna r-responsabbiltà għall-influss tal-immigranti, għandna d-dover li nibqgħu nippromwovu l-ħakma tad-dritt, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet umani u l-ħarsien tal-komunità dinjija.

Tista’ taqra l-omelija hawn.

Filmat: Kurja – knisja.mt/ritratti