Mexa lejn l-isptar żewġ mili ’l bogħod b’16-il balla ġo fih

It-Temple University Hospital

Il-Pulizija f’Philadelphia fl-Istati Uniti stqarret li hu mirakoluż kif raġel li qala’ 16-il balla ġo fih kien kapaċi jmur bil-mixi l-isptar żewġ mili ’l bogħod.

L-inċident tal-isparatura seħħ kmieni l-Ġimgħa filgħodu wara nofs il-lejl u l-Pulizija għadhom la intervistaw lir-raġel ta’ 27 sena u lanqas jafu x’wassal biex ir-raġel spiċċa b’tant balal ġo fih. L-investigaturi sabu bosta traċċi tal-balal fuq il-post tal-inċident. Għadu ma kien arrestat ħadd dwar il-każ.

Raġel li kien f’residenza viċina fit-triq qal li sema’ sparar qisu ta’ machine gun. Il-ħoss kien tant qawwi li ħareġ minn soddtu u ntefa’ fl-art.

“Kien qisu xi ħaġa fuq it-TV,” irrakkonta. “Kien ħoss qawwi ħafna … tal-infern.”

Tilgham Street f’Philadelphia fejn sar l-inċident ta’ l-isparatura Ritratt: The Philadelphia Enquirer

Id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Philadelphia ta dettalji dwar il-każ u elenka li r-raġel intlaqat ħames darbiet f’ġismu fuq il-lemin, darbtejn fuq qaddu tax-xellug, tliet darbiet fuq in-naħa ta’ fuq ta’ sidru, darba fuq spalltu l-leminija, darba fuq in-naħa tal-lemin ta’ għonqu, tliet darbiet fuq idu tax-xellug u darba fuq idu tal-lemin.

Ir-raġel ma nagħatx ismu u meta mar fit-Temple University Hospital qal li kienu sparawlu. Sarlu intervent mediku u l-kundizzjoni tiegħu hija kritika imma stabbli. M’hemm il-biża’ li jmut mill-feriti li sofra.