Mewta minn kull erbgħa ġejja mill-kanċer

Statistika medika ppubblikata minn World Cancer Awareness turi li fost il-forom differenti ta’ kanċer, dak tal-fwied, tal-frixa u tal-pulmun huma l-anqas li tista’ tfiq minnhom. Din l-istatistika kienet fost it-tagħrif li kien ippubblikat fil-Jum Dinji għall-għarfien dwar il-kanċer, marda qerrieda li bosta jqisuha bħala l-pesta moderna.

Il-kanċer tal-fwied, dak tal-frixa u tal-pulmun huwa direttament relatat ma’ stil ta’ ħajja li ftit li xejn jirrispetta lit-tempju li hu l-ġisem. Minn xorb żejjed sa tipjip u obeżità, dawn it-tliet tipi ta’ kanċer spiss ifeġġu wara żmien li jkunu ilhom jinbtu u jikbru bil-kwiet u bi ftit li xejn sintomi. Mhux it-tipi ta’ kanċer kollha huma insidjużi b’dan il-mod. Il-kanċer tas-sider, kemm fin-nisa kif ukoll fl-irġiel jaf jitfejjaq jekk jinqabad fil-ħin, partikolarment jekk il-persuna tkun tagħmel l-eżami fiżiku spiss. Kanċer ieħor li llum sar jitfejjaq huwa dak tal-prostata li minnu hemm ċans ta’ aktar minn 95% ta’ fejqan.

M’hemmx mara jew raġel

Minn statistika ppubblikata joħroġ li mewta minn kull erbgħa f’Malta hija dovuta għall-kanċer. Ma hemmx differenza sostanzjali bejn nisa u rġiel, il-kanċer ma jħarisx lejn ġeneru. Iżda, skont l-organizzazzjoni World Cancer Awareness, il-kanċer qed joqtol l-aktar fil-pajjiżi li d-dħul tal-popolazzjoni huwa baxx jew medju, fi kliem ieħor fil-pajjiżi foqra jew li għadhom qed jiżviluppaw. 70% tal-imwiet bil-kanċer iseħħu f’dawn il-pajjiżi li huma fost l-anqas li għandhom aċċess għal terapiji moderni ta’ kura u prevenzjoni.

Kemm-il żero fih triljun?

Jekk tistaqsi lil Google, jgħidlek 12. Iżda dan x’għandu x’jaqsam mal-kanċer? Triljun ewro hija l-ispiża globali konsegwenza ta’ din il-marda qerrieda. L-impatt ekonomiku jitkejjel minn nuqqas ta’ produttività, telf ta’ dħul għall-familji, spiża fuq saħħa, nefqa fuq diżabbiltà, mewt f’età bikrija u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.

Dawn l-aspetti kollha tal-kanċer jitfakkru kull sena iżda ma jkun hemm xejn ħażin li wieħed jara mill-ġdid dak li wieħed jista’ jagħmel biex jipprevjeni kemm jista’ din il-marda.