Mewta fl-Isptar t’Għawdex: Awtopsja se ssir Malta

Raġel li miet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ilbieraħ se jkun qed jitniżżel Malta sabiex issirlu l-awtopjsa. Dan ikkonfermawh sorsi ta’ Newsbook.com.mt li qalulna wkoll li l-pazjent tħalla jistenna fit-tul, u kawża t’hekk mar għall-agħar. Kelliema għal Steward Healthcare qalet li qed issir inkjesta bil-Maġistrat u oħra interna, u mhux se jagħtu kummenti qabel ma joħroġ ir-riżultat. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Ministeru għas-Saħħa.

“Jiddaħħal għall-kura b’urġenza u tħalla jistenna” – sors

Skont informazzjoni li waslitilna, ir-raġel ta’ 54 sena mir-Rabat Għawdex iddaħħal għall-kura b’urġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Sors qal ma’ Newsbook.com.mt li r-raġel kien mar l-isptar b’infezzjoni s-Sibt iżda kawża tad-dewmien din infirxet. Meta mistoqsijin sabiex jikkonfermaw jekk dan hux minnu jew le, il-kelliema għall-Steward Healthcare spjegat li l-kumpanija ma tinsabx f’pożizzjoni li tagħti dettalji personali dwar il-pazjent.

Dwar il-każ infetħet inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri. Skont sorsi hi ordnat li l-awtopsja tar-raġel issir illum f’Malta. Il-kelliema għal Steward Healthcare ikkonfermat li bħalissa hemm inkjesta għaddejja kemm internament, kif ukoll inkjesta oħra mill-awtoritajiet dwar il-mewt tal-pazjent. Il-kelliema spjegat li l-maniġment tal-isptar se jkun qed jistenna r-riżultat tal-awtopsja qabel ma jinħarġu aktar kummenti dwar il-każ.

Intant, il-Ministeru għas-Saħħa wkoll ikkonferma li għaddejja inkjesta mill-awtoritajiet konċernati, kif ukoll inkjesta interna mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex dwar mewt ta’ pazjent li seħħet il-Ħadd, 3 ta’ Frar, fl-istess sptar. Il-kelliema spjegat li bħala parti mill-proċess tal-inkjesta l-katavru ttieħed l-isptar Mater Dei, fejn mistennija ssir l-awtopsja. Spjegat li tt-tmexxija tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex qed tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-awtoritajiet f’din l-investigazzjoni.

ESKLUSSIVA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

F’Settembru li għadda, Newsbook.com.mt kien ippubblika artiklu bil-provi li juru li f’Awwissu l-ħelikopter ta’ Steward Health Care ma kienx hemm fil-ħin għall-pazjent ieħor Għawdxi bil-konsegwenza li l-pazjent miet ftit wara li wasal fl-isptar Mater Dei.

Fir-Rabat iżommu lir-raġel fit-talb waqt il-Quddiesa

Newsbook.com.mt huwa infurmat li fil-quddies tal-Ħadd filgħaxija fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex inżamm talb speċjali għal dan il-każ.

Intant, aktar mistoqsijiet ġew mibgħuta lill-Pulizija li kkonfermaw li l-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt qed jiġu pproċessati.