Mewt Wied il-Għajn: Il-konklużjoni tal-inkjesta

Read in English.

Ħarġet il-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali li saret b’rabta man-nirien li ħakmu blokka appartamenti fi Triq l-Aħmar f’Wied il-Għajn fi Frar li għadda, meta Gordon Spiteri spiċċa biex tilef ħajtu. Ir-raġel li kellu 35 sena, nħareġ mill-blokka tal-appartamenti minn membri tal-Protezzjoni Ċivili, iżda miet ftit wara l-Isptar Mater Dei, minħabba d-dħaħen kollha li kien bela’.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal li din l-inkjesta tikkonferma aktar l-importanza li f’kull blokka għandhom isiru fire drills mill-amministratur.

Ħeġġeġ biex f’kull blokka ta’ appartamenti jkun hemm fire extinguishers u fire blankets f’post aċċessibbli, kif ukoll sistema kontra d-dħaħen fil-komun.

Bl-istess mod l-inkjesta ssemmi kif il-bejt tal-blokka għandu jkun aċċessibbli f’każ ta’ emerġenza flimkien ma’ sinjali li jindikaw il-ħruġ tal-emerġenza.

Id-Dipartiment saħaq ukoll li meta jsir kuntatt mal-awtoritajiet f’każ ta’ nirien, min iċempel jagħti informazzjoni dwar xi landmark fil-qrib tal-blokka biex l-għajnuna tasal fl-iqsar żmien.

Id-Dipartiment sostna li dawn huma ftit mill-miżuri li jistgħu jittieħdu biex jiġu evitati inċidenti ta’ nirien milli jeskalaw u li jistgħu iwasslu biex persuni jitilfu ħajjithom b’mod sfortunat.

Ftit wara dan l-inċident f’Wied il-Għajn, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg kien talab għal titjib fejn tidħol is-sigurtà min-nar fi blokok ta’ appartamenti.

Fir-ritratt mill-Facebook: il-vittma