​Mewt tifla: Tibda investigazzjoni indipendenti minn eks Imħallef

Il-Ministeru għad-Drittijiet tat-Tfal ħatar investigazzjoni indipendenti sabiex ikunu stabbiliti l-fatti kollha tal-każ tal-mewt tat-tifla Niġerjana ta’ 7 snin li mietet matul il-lejl tal-21 ta’ Jannar 2018.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-investigazzjoni se titmexxa mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras. Dan se jsir b’żieda mal-inkjesta maġisterjali li diġà għaddejja dwar dan il-każ.
Il-Ministeru spjega li l-investigazzjoni se ssir minkejja li qatt ma kien hemm ordni tal-ħarsien fir-rigward tal-minuri u li l-Aġenzija Appoġġ ma kinitx responsabbli għar-residenza fejn kienet tgħix il-familja. 
Dwar l-ordni tal-ħarsien li nħarġet għall-aħwa tat-tifla, il-Ministeru qal li dan sar sabiex issir investigazzjoni iktar fil-fond mis-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal u jkun segwit pjan ta’ kura għall-istess minuri.
Fi stqarrija maħruġa dalgħodu mill-Kurja, bi kjarifika mill-Kummissjoni Emigranti, il-Knisja qalet li għalkemm il-familja kienet qed toqgħod f'dar tas-Sorijiet Dumnikani, il-familja Niġerjana ma kinitx taħt il-kura ta' entità tal-Knisja.
Il-Pjattaforma tal-Organizzazzjonijiet Maltin tad-Drittijiet Umani (PHROM) qalet li hija r-responsabbilità tal-Gvern li jassigura li t-tfal jingħataw il-protezzjoni u l-kura neċessarja.