Mewt Tifla: L-inkjesta lesta iżda mhux se tiġi ppubblikata għalissa

Ir-rapport tal-inkjesta indipendenti mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras dwar it-tifla Niġerjana li mietet f’Jannar li għadda tlesta u jinsab għand il-Ministru Michael Falzon.
Il-Gvern qal li r-rapport mhux se jiġi ppubblikat għalissa minħabba li l-inkjesta maġisterjali għada għaddejja.
Fi stqarrija il-Gvern qal li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ġie ppreżentat bil-konsiderazzjonijiet tal-Imħallef permezz ta’ rapport ta’ inkjesta dwar il-każ tat-tifla Victoria Aluko li tilfet ħajjitha matul il-lejl tal-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2018
Din l-inkjesta kienet intalbet mill-Ministeru stess.
Il-Gvern qal li ttieħed parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali dwar meta għandha tiġi ppubblikata din l-inkjesta u għaldaqstant se tkun posposta sakemm tintemm l-inkjesta maġisterjali biex ma tkunx ippreġudikata jew b’xi mod influwenzata. 
Madankollu, il-Ministeru għall-Familja qal li se jkun qed jieħu konsiderazzjoni tal-kontenut tal-imsemmija inkjesta fejn jidħlu materji ta’ natura amministrattiva b’ mod immedjat.