Aġġornata: Mewt tifla: Il-Gvern iwaħħal fil-PN li qed jitfa’ dubji

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb dwar x’seta’ ġara fil-każ tat-tifla Niġerjana li mietet fl-aħħar jiem u dwar il-mod kif aġixxa l-Gvern.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din it-tifla “kienet taħt il-ħarsien tal-Gvern” u għalhekk talab li ssir ġustizza filwaqt li ppubblika għadd ta’ mistoqsijiet.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa lill-Gvern jgħid għaliex ipprova jagħti x’jifhem li t-tifla kienet taħt ir-responsabbiltà tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Ħaż-Żabbar meta fil-verità din kienet taħt il-kura tal-Aġenzija tal-Gvern stess, Appoġġ.
Fost mistoqsijiet oħra, il-Partit Nazzjonalista staqsa x’wassal biex il-Gvern idum biex jinforma l-pubbliku b’dak li kien ġara filwaqt li talab biex tintrefa’ r-responsabbiltà.
Il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex isib qbil mal-professjonisti tal-kura b’mod partikolari fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS).
Il-Gvern iwieġeb
Il-Gvern fi stqarrija waħħal fil-Partit Nazzjonalista li qed jitfa’ dubji dwar ix-xogħol li jagħmlu l-ħaddiema soċjali.
Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li huwa tal-mistħija kif il-Partit Nazzjonalista qed juża l-mewt tat-tifla Niġerjana biex jipprova jiskorja punti politiċi.
Il-Gvern insista li t-tifla Niġerjana qatt ma kienet taħt Ordni tal-Ħarsien u għalhekk il-Ministeru jfakkar li qed ikun żbaljat meta jirraporta fatti li mhumiex minnhom sabiex jiżgwida lill-qarrejja tiegħu.
Il-Ministeru fakkar ukoll fl-investigazzjoni indipendenti mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.
Dwar dan il-każ, tkellmet ukoll l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-refuġjati, il-UNHCR fejn ħeġġet biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-aġenziji tal-gvern li jappoġġjaw lit-tfal refuġjati.