Mewt tifla: Il-Ministru jgħid x’ġara

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon tkellem għall-ewwel darba fil-Parlament dwar il-każ tat-tifla Niġerjana ta’ seba’ snin li mietet il-ġimgħa l-oħra.
Fl-aġġornament il-Ministru ppreżenta dawk li sejjaħ “fatti stabbiliti” filwaqt li qal li ma jridx jagħti aktar dettalji minħabba l-investigazzjoni maġisterjali u dik indipendenti għadhom għaddejjin.
Sellem ukoll il-memorja tat-tifla u qal li “ma jixirqilhiex li tiġi kkonvertita f’ballun politiku”.
Dwar dak li ġara fil-jum tal-mewt tat-tifla, il-Ministru qal fil-Parlament li l-mewt ġrat il-Ħadd 21 ta’ Jannar bil-lejl, u li hu ġie nfurmat l-għada t-Tnejn filgħodu.
Żied jgħid li t-tifla ma kinitx taħt care order filwaqt li enfasizza li lanqas mietet minħabba nuqqas ta’ nutrijenti. Semma ċ-ċertifikat ta’ mewt li juri li t-tifla mietet kawża ta’ kundizzjoni medika, aplastic anemia.
“Mietet fid-Dipartiment tal-Emerġenza”
Stqarr li ċ-ċertifikat tal-mewt ġie mogħti lill-Gvern mill-ġenituri tat-tifla u juri li mietet fid-dipartiment tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Xejjen l-ispekulazzjoni li saret dwar fejn mietet it-tifla.
Mit-testijiet tad-demm li saru fuq iż-żewġ aħwa l-oħra wara li nħarġet il-care order, il-Ministru qal li ma hemm l-ebda evidenza ta’ malnutrizzjoni.
Saħaq li l-Pulizija huma invouti biss bħala parti mill-investigazzjoni maġisterjali.
Sostna li l-Gvern “ma ħeba xejn” dwar il-każ anzi jisħaq li kien il-Gvern li ħareġ stqarrija l-għada li mietet it-tifla. Kompla jispjega li mhux minnu li kien hemm “xi ħabi ta’ aktar minn 24 siegħa”.
“It-tifla ma kinitx taħt il-kura tas-Sorijiet Dumnikani u lanqas tal-Appoġġ”
Qal li mhux veru lanqas li t-tifla kienet taħt il-kura tas-sorijiet Dumnikani u lanqas kienet f’xi dar amministrata mill-Aġenzija Appoġġ. Ikkonferma fil-Parlament li t-tifla kienet tgħix mal-familja tagħha indipendentament u f’dar mogħtija lilhom mis-sorijiet Dumnikani ta’ Ħaż-Żabbar.
Dwar ir-rappurtaġġ ta’ dan il-każ, il-Ministru Falzon qal li “forsi ma kinux daqshekk korretti minħabba s-sensazzjonaliżmu”.
Qal li minn din l-istorja traġika, hemm lezzjonijiet x’jittieħdu iżda m’għandux ikun hemm attakk fuq is-social workers.
Appella biex tintwera “solidarjetà sħiħa” u “mhux ikun hemm min jinqeda b’okkażjoni bħal din għal gwadann politiku”.
Xejjen rapporti li juru li hemm xi diżgwid bejn il-Gvern u l-Knisja dwar il-qasam soċjali filwaqt li sostna kemm-il darba li l-Gvern u l-Knsija jaħdmu tajjeb flimkien u mistennija li jaħdmu fuq aktar proġetti.
Aġenzija Appoġġ
Fl-għeluq tal-aġġornament fil-Parlament, il-Ministru Michael Falzon semma s-servizzi offruti mill-Aġenzija Appoġġ lit-tfal Maltin u Għawdxin. Dawn jinkludu servizzi ma’:

  • 151 tifel u tifla taħt child protection
  • 270 każ ta’ tfal li jgħixu mal-qraba tagħhom iżda li jeħtieġ monitoraġġ
  • 400 tifel u tifla li l-etajiet ivarjaw minn ftit xhur sa 18-il sena li jeħtieġu l-għajnuna u li jgħixu fi djar residenzjali