Mewt tifla: “Il-memorja tagħha għandha tkun protetta mill-ispekulazzjoni” – Pauline Miceli

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qed jappella għall-prudenza wara l-mewt tat-tifla Niġerjana ta’ seba’ snin.
Fi stqarrija, il-Kummissarjat saħaq li l-memorja tat-tifla għandha tkun protetta minn kull spekulazzjoni.
Il-Kummissarju Pauline Miceli fakkret li hemm żewġ investigazzjonijiet għaddejja u għalhekk tisħaq li r-rapurtaġġ u l-kummentarju pubbliku għandu jkun ibbażat biss fuq il-fatti stabbiliti.
“Ħadd ma għandu jasal għall-konklużjonijiet u wisq inqas jgħaddi ġudizzju dwar responsabbilitajiet morali jew kriminali fuq il-mewt tat-tifla,” saħqet il-Kummissarju.
Filwaqt li qed isegwi mill-qrib kull żvilupp, l-Uffiċċju qal li se jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet biex jiddeċiedi jekk jiħux azzjoni dwar nuqqasijiet li seta’ kien hemm u li wasslu għall-mewt tat-tifla.
Minkejja li stqarrija tal-Ministeru għall-Familja nhar it-Tnejn qalet li t-tifla NIġerjana ta' seba' snin li mietet fil-lejl ta' bejn il-Ħadd u t-Tnejn kienet qed toqgħod f'dar tal-Knisja, fi stqarrija maħruġa mill-Kummissjoni Emigranti, il-Knisja qalet li għalkemm il-familja kienet qed toqgħod f'dar tas-Sorijiet Dumnikani, il-familja Niġerjana ma kinitx taħt il-kura ta' entità tal-Knisja.
Il-Pjattaforma tal-Organizzazzjonijiet Maltin tad-Drittijiet Umani (PHROM) qalet li hija r-responsabbilità tal-Gvern li jassigura li t-tfal jingħataw il-protezzjoni u l-kura neċessarja.
Il-Gvern ħareġ ordni ta’ ħarsien għall-aħwa tat-tifla.
"Vittma tal-faqar u l-emarġinazzjoni" – PD
Il-Partit Demokratiku qal li l-kuntest ta' din it-traġedja hija responsabbilità tas-soċjetà kollha kemm hi u mhux tal-Gvern biss u ddeskriva lit-tifla bħala vittma tal-faqar u l-emerġinazzjoni.
Kien għalhekk li saħaq li lest jgħin biex Malta tibqa' tgħożż dawk il-valuri li dejjem iddistingwewha.
"L-ebda sistema ma tista' tkun perfetta," saħaq il-PD u insista li se jibqa' jaħdem biex jiġġieled l-abbuż, it-terrur, l-indifferenza u l-ġuħ fost dawk kollha li jsejħu lil Malta bħala darhom.
Irringrazzja lil dawk kollha, fosthom il-Knisja u NGOs li jagħmlu l-parti tagħhom biex jiġġieldu l-faqar u d-disperazzjoni.