​Mewt tifla: “Il-Gvern responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal” – NGOs

Il-Pjattaforma tal-Organizzazzjonijiet Maltin tad-Drittijiet Umani (PHROM) qalet li hija r-responsabbilità tal-Gvern li jassigura li t-tfal jingħataw il-protezzjoni u l-kura neċessarja.
F’reazzjoni għall-aħbar tal-mewt tat-tifla Niġerjana li kellha sebgħa snin, il-PHROM qalet fi stqarrija li tinsab ixxukjata bl-aħbar u qalet li dan il-każ jimmerità bl-ogħla livell ta’ skrutinju u attenzjoni.
L-għaqdiet qalu li meta Stat jagħmel arranġamenti biex it-tfal jitpoġġew f’xi istituzzjoni li mhix tiegħu, l-Istat ma jinħelisx mid-dmirijiet tiegħu.
Komplew jisħqu li l-awtoritajiet għandhom iwettqu investigazzjoni fil-mewt, b’rabta partikolari dwar jekk kienx hemm xi miżuri li setgħu ttieħdu biex it-tifla ma tmutx. Saħqu li dan jgħin biex tinżamm il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Maltin li jieħdu ħsieb familji vulnerabbli.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja, bi kjarifika mill-Kummissjoni Emigranti, il-Knisja qalet li għalkemm il-familja kienet qed toqgħod f'dar tas-Sorijiet Dumnikani, il-familja Niġerjana ma kinitx taħt il-kura ta' entità tal-Knisja.