Mewt tifla: “Bżonn li l-aġenziji tal-Gvern jaħdmu flimkien” – UNHCR

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-refuġjati, il-UNHCR, ħeġġet biex ikun hemm kollaborazzjoni bejn l-aġenziji tal-gvern li jappoġġjaw lit-tfal refuġjati.
Saħqet li n-nuqqas ta' din kollaborazzjoni jkollu “riperkussjonijiet gravi fuq il-protezzjoni tat-tfal, speċjalment peress li t-tfal refuġjati ġeneralment jgħixu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli”.
Qalet ukoll li huwa fl-aħjar interess tat-tfal li jkollhom l-istrutturi meħtieġa ta’ protezzjoni pprovduti mill-istat f’Malta.
Il-UNHCR qalet li tinsab imnikkta bl-aħbar tal-mewt traġika ta’ tifla imwielda Malta li sabet protezzjoni f'Malta wara li ma setgħux jgħixu fin-Niġerja.
Ħeġġet lill-awtoritajiet biex jipprovdu appoġġ sostenibbli u b'riżorsi tajbin għal familji vulnerabbli tar-refuġjati, partikolarment dawk li jgħixu f'ċentri miftuħa u fi djar oħra, mingħajr distinzjoni lejn in-nazzjonalità.
"Bżonn li toħroġ il-verità" – l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers
L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers saħqet li fil-każ tat-tifla Niġerjana ta’ seba’ snin li mietet fil-jiem li għaddew, għandha toħroġ il-verità dwar x’ġara fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel.
L-Assoċjazzjoni qalet li l-professjonisti kollha għandhom jingħaqdu fl-interess ta’ nies vulnerabbli.
Filwaqt li qalet li trid iżżomm lura milli tikkummenta dwar dan l-inċident traġiku, l-Assoċjazzjoni qed tittama li l-Inkjesta Maġisterjali kif ukoll l-inkjesta indipendenti maħtura lbieraħ filgħaxija jistabbilixxu l-fatti kif ġraw u jagħtu aktar dawl lix-xogħol kumpless li s-social workers jgħaddu minnu ta’ kuljum.
Qalet ukoll li l-inkjesta indipendenti trid tevalwa l-proċessi u d-deċiżjonijiet varji li ttieħdu fil-każ mill-professjonisti li ħadmu mal-familja.
Fl-istqarrija tagħha, l-Assoċjazzjoni laqgħet l-iżviluppi li seħħew biex il-proċessi ta’ protezzjoni tat-tfal isiru aħjar filwaqt li qalet li se tkun qed tagħmel skrutinju mill-qrib fuq il-Liġi l-ġdida dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li attwalment qed tiġi diskussa fil-parlament. Dan sabiex, fi kliemha, id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu fl-aħjar interess tat-tfal mingħajr l-ebda tfixkil.
Temmet tgħid li bħala Assoċjazzjoni qed tappoġġja kull inizzjattiva li ssir biex is-social workers ikomplu jieħdu t-taħriġ b’mod professjonali.
Il-mewt ta' din it-tifla qajjem kontroversja sħiħa, bi stqarrija tal-Gvern tgħid li t-tifla nstabet mejta f'residenza tad-Dumnikani f'Ħaż-Żabbar, meta fil-verità mietet fl-ambulanza fi triqitha lejn l-isptar. Il-Kummissjoni Emigranti fi ħdan il-Knisja f'Malta kkonfermat li l-familja Niġerjana ma kinitx taħt il-kura ta' entità tal-Knisja.
Ritratt: UNHCR Malta