Mewt tifel: X’tista’ tagħmel biex uliedek ma jifgawx fl-ikel?

L-aħbar tat-tifel Malti li miet wara li faga hu u jiekol zalzett ħasdet bosta ġenituri u wasslet biex għadd ta’ ommijiet ixerrdu messaġġi ta’ twissija fuq il-mezzi soċjali. 
Fuq Facebook, qed jiġi ċċirkolat messaġġ li jagħti pariri dwar prekawzjonijiet li wieħed jista’ jieħu biex it-tfal ma jifgawx fl-ikel. 
Il-messaġġ jgħid li z-zalzett u xi ikel ieħor bħal karrotti, tuffieħ, għeneb, karawett, marshmallows u l-ħelu taz-zokkor, jistgħu jkunu ta’ periklu għat-tfal għax faċilment jifgaw fihom. 
Iwissi wkoll li għalkemm ħafna jgħidu li dawn il-każijiet jiġru biss fost it-trabi taħt it-tliet snin, importanti li wieħed jiftakar li dan it-tifel kellu ħames snin.
Ħafna jistaqsu dwar kif għandek tipprepara l-ikel għat-tfal biex taċċerta ruħek li ma jkunx hem periklu:

  1. Zalzett: L-iktar ikel komuni li jifgaw fih it-tfal. Biex tnaqqas ir-riskju aqsmu min-nofs minn tulu, imbagħad aqtgħu biċċiet żgħar.
  2. Karrotti: L-aħjar metodu huwa li jew tħokkhom, jew tgħallihom sakemm jirtabu mhux ħażin.
  3. Tuffieħ: Bħal kull frotta iebsa oħra, l-aħjar metodu huwa li tqattagħhom biċċiet żgħar jew tgħallihom sakemm jirtabu.
  4. Għeneb: Kull għenba għandha tinqata’ min-nofs u titneħħielha ż-żerriegħa.
  5. Karawett, ġewż, lewż: Kemm jista’ jkun wieħed għandu joqgħod ’il bogħod milli jagħti dawn lit-tfal.
  6. Peanut Butter: Magħrfa jew kuċċarina sħiħa peanut butter hija diffiċli biex it-tfal jibilgħuha. L-aħjar mod kif jieklu l-peanut butter huwa billi ddellek saff irqiq fuq xi ħobż jew galletta.
  7. Marshmallows: Ikel artab bħal marshmallows jista’ faċilment jeħel mal-gerżuma. L-aħjar mod huwa li kemm jista’ jkun it-tfal ma jikluhomx.
  8. Chewing gum u ħelu taz-zokkor: Jekk it-tfal ikunu qed jidħku, faċilment li jieħdu nifs qawwi u jibilgħuhom. Dan faċli jagħlqilhom il-pajp tan- nifs.
  9. Popcorn: L-għamla tal-popcorn tagħmilha verament faċli li wieħed jifga fih. L-aħjar mod ta’ prevenzjoni huwa li kemm jista’ jkun it-tfal ma jikluhx.