Mewt tarbija Mater Dei: “Ġurnata memorabbli trasformata għal traġedja”

Koppja li kienu qed jistennew l-ewwel wild tagħhom akkużaw lill-Gvern u lill-awtoritajiet tas-saħħa li kienu aktar moħħhom fil-ħlasijiet milli jsalvaw ħajja umana. Huma qalu li l-ġurnata li suppost kellha tkun waħda memorabbli spiċċat ġiet trasformata għal traġedja.

Permezz ta’ protest ġudizzjarju fil-Qorti Maltija, il-ġenituri attribwixxew il-mewt tat-tarbija għaliex qiegħdin jgħidu li ġew iddiskriminati minħabba li mhumiex Maltin kif ukoll akkużawhom b’nuqqas ta’ prudenza, diliġenza u attenzjoni hekk kif l-omm tilfet it-tarbija f’ġufha.

L-avukati tal-ġenituri qalu lill-Qorti li l-ġurnata li suppost kellha tkun waħda memorabbli spiċċat ġiet trasformata għal traġedja. Dan hekk kif flok ħadet l-ewwel nifs tagħha, t-tarbija mietet qabel ma twieldet.

“Aktar moħħhom fil-flus milli jsalvaw ħajja” – il-koppja lill-isptar

Fil-Qorti ntqal li peress li l-omm hija Rumena hija kellha l-European Health Insurance Card (EHIC) li permezz tagħha hija tista’ tieħu trattamenti mediċi b’xejn jew bi prezz imnaqqas f’każ ta’ emerġenza fl-Unjoni Ewropea, ‘il barra mill-pajjiż tagħha.

Jispjegaw li kellhom tqala bla problemi iżda l-uffiċjali fl-isptar kienu iktar moħħhom kif il-missier se jħallas għas-servizzi tas-saħħa peress li huwa Serb u għaldaqstant mhux ċittadin Ewropew.

Il-protest ġudizzjarju ntbagħat lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi tas-Saħħa, lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, lill-uffiċjali fl-Isptar Mater Dei kif ukoll lill-Avukat Ġenerali.

L-att legali ġie ffirmat mill-avukati Natalino Caruana De Brincat u Ivan Mifsud.