Mewt Lisa Maria: “Għaddew kważi 4 snin u l-Qorti għadha ma bdietx”

Winston J. Zahra, iz-ziju ta' Lisa Maria Zahra, it-tfajla li f'Marzu tal-2014 ittellgħet bla ħajja mill-irdum ta' Ħad-Dingli, qal li “għaddew kważi erba’ snin u tista’ tgħid li  l-Qorti għadha ma bdietx”. Zahra qal hekk peress li tlestiet biss il-kumpilazzjoni iżda l-ġuri għadu ma bediex.
Żied jgħid li l-familja Zahra għandha "seba’ mitt sena sakemm dan il-proċess isir kif għandu jsir u tingħata ġustizzja”.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Zahra qal li l-każ fil-Qorti qed idum ħafna. Iddeskriva l-esperjenza bħala l-agħar waħda f’ħajtu iżda mhi xejn meta kkumparata ma’ dak li qed iħossu l-ġenituri tagħha. Qal li fil-ħajja m’hawnx agħar milli titlef lit-tifla jew it-tifel tiegħek.
Filwaqt li kkwota l-espressjoni bl-Ingliż “Justice delayed is justice denied”, Zahra qal li l-familja kollha tħossha f’dik il-pożizzjoni għax għad m’hemmx għeluq tal-każ.
Dwar il-każ ta’ William Agius li 14-il sena ilu nqabad bid-droga u ilu 10 snin clean, Zahra qal li dan hu “każ ieħor li jamplifika l-problema li hemm fil-Qorti”.
William Agius ta’ 31 sena, iktar kmieni dan ix-xahar instab ħati mill-Qorti u ngħata sentenza ta’ tliet snin ħabs.
Filwaqt li jgħid li William ammetta l-ħażin li għamel, Zahra qal li issa huwa tard wisq, iktar u iktar li llum ħareġ mill-problema tad-droga.
Fuq Facebook, Zahra kiteb li l-punt ta’ dewmien fil-Qorti “għadu ma ġiex enfasizzat biżżejjed”. Zahra qal li stenna li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jikkummenta dwar dan id-dewmien u “mhux jikkummenta biss dwar il-kontenut tas-sentenza”.

"Messaġġ żbaljat li l-Qorti damet 14-il sena biex taqta' l-każ" – Il-Ministru Bonnici
F’artiklu li kiteb fuq The Malta Independent fil-jiem li għaddew, il-Ministru Bonnici qal li s-sentenza li tat il-Qorti kienet “waħda sensibbli”.
Semma l-każ ta’ appell, il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-każ quddiem il-ġurija li għamel William, li fi kliem il-Ministru dawn kienu dritt tiegħu. Sostna li minkejja dan, jemmen li ntbagħat messaġġ żbaljat meta ngħad li "l-Qorti ħadet 14-il sena biex taqta' l-każ, hekk kif matul seba' snin minnhom, saru tliet proċeduri speċjali tal-Qorti".
“Minflok il-mibegħda għażilna l-pożittiv u ħloqna fondazzjoni” – Winston J. Zahra
Fil-programm, Winston J. Zahra qal li f’din iċ-ċirkostanza iebsa fil-ħajja kellhom għażla, jekk jintilfux fir-rabja u l-mibegħda jew jagħżlu triq aktar pożittiva.
Kien għalhekk li l-familja Zahra nediet il-Fondazzjoni Lisa Marie li permezz tagħha qed jiffukaw f’ħidma ta’ protezzjoni għat-tfal fosthom fl-iskejjel.
Filwaqt li qal li l-Fondazzjoni għandha rispett kbir lejn l-għalliema b’mod ġenerali, il-familja sabet il-koperazzjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex fl-aħħar xhur iddaħħlu 11-il avviż legali relatati ma’ mġiba xierqa fl-iskejjel.
Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.