Mewt kelba Marsa: Ma kellhomx bżonn dinghy biex isalvawha

Dwar il-każ tal-kelba li tħalliet tmut fix-Xatt tal-Marsa, is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali sostna, li filwaqt li uffiċjali tal-Animal Welfare mhumiex obbligati li jaqbżu fl-ilma biex isalvaw annimal meta dan ikun ta’ periklu għalihom, huma mistennija li jagħmlu minn kollox fis-sitwazzjoni. Dan jinkludi li jitolbu l-għajnuna ta’ awtoritajiet oħra kompetenti meta jkun neċessarju.
Fid-dritt għar-risposta għall-artiklu ta’ Newsbook.com.mt, is-Segretarjat ċaħad li l-każ inkwistjoni kien jirrekjedi apparat bħal dinghy.
Ċaħad ukoll li l-ħaddiema għandhom nuqqas ta’ taħriġ u li hemm nuqqas ta’ koperazzjoni bejn id-dipartimenti.
Semma wkoll li f’Diċembru li għadda sar taħriġ speċjalizzat lill-uffiċjali kollha, u li kien kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Żied jgħid li dan it-taħriġ daħal anke fid-dettall ta’ kif uffiċjali jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili għal dan il-każ u oħrajn aktar perikolużi.