Mewġiet ta’ sħana regolari ‘se joqtlu l-eluf’

Il-Membri Parlamentari Ingliżi qed jisħqu li b’konsegwenza tat-tibdil fil-klima, il-mewġa ta’ sħana li qed jesperjenza bħalissa r-Renju Unit tista’ ssir xi ħaġa normali sal-2040.

Temperaturi għolja jistgħu jkunu wkoll kaġun ta’ mwiet relatati ma’ mard tal-qalb, tal-kliewi kif ukoll tan-nifs. Minħabba f’hekk, il-Membri Parlamentari qegħdin jisħqu mal-Ministri biex jieħdu azzjoni immedjatament, speċjalment fid-dawl tal-istudju li sar minn Kumitat għall-Iskrutinju Ambjentali li bassar li sal-2050 għad ikun hemm madwar 7,000 mewta kkaġunata mis-sħana kull sena.

Il-Gvern Ingliż qiegħed jaffaċċja pressjoni kontinwa minn diversi naħat biex jaġixxi:

  • problemi kkaġunati minn din is-sħana qiegħdin dejjem jikbru u jiddiversifikaw
  • l-imwiet ikkaġunati mis-sħana qiegħdin jikbru
  • id-djar mhumiex addattati għas-sħana li qed jaffaċċjaw
  • 50% biss tat-toroq huma magħmulin minn materjal li jista’ jsofri dawn it-temperaturi
  • L-unifromijiet u l-ilbies tal-ħaddiema u l-istudenti mhuwiex addattat għal dawn it-temperaturi għoljin.

Il-Gvern Ingliż qal li qed jieħu azzjonijiet biex itaffi l-konsegwenzi li jħallu dawn il-mewġiet ta’ sħana, primarjament billi jnaqqas l-emmissjonijiet tal-karbonju iżda l-Membri Parlamentari jemmnu li dan mhuwiex biżżejjed.

Mary Creagh, Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Ingliż,  ukoll qasmet ideat simili meta qalet li din is-sħana taffettwa s-saħħa u l-produttività tan-nies u li l-Gvern għandu jaħseb fi strateġija biex jipproteġi lill-poplu minn dawn it-temperaturi perikolużi, speċjalment lil dawk vulnerabbli.