Mewġa ta’ temp ħażin tolqot lill-Italja

Vigili Del Fuoco - Via Twitter

Ħafna nħawi madwar l-Italja intlaqtu mill-maltemp nhar il-Ħadd li għadda, bil-belt kapitali ta’ Ruma tirraporta għargħar wara maltempata vjolenti.

Il-protezzjoni ċivili fir-reġjun ta’ Lazio qalet li l-maltempata ġabet magħha xita qawwija, silġ u riħ qawwi. 

F’Monteforte Irpino, raħal żgħir ta’ madwar 12-il elf persuna fil-provinċja ta’ Avellino kien hemm valanga ta’ tajn u ġebel li għalqet xi toroq u sqaq li jwasslu fiċ-ċentru tar-raħal. F’ċerti postijiet, il-livell tat-tajn laħaq metru.

F’Avellino, ix-xmara Fenestrelle għarrqet xi nħawi fil-belt.

Il-mewġa ta’ temp ħażin laqtet ħafna partijiet oħra ta’ l-Italja, b’sitwazzjonijiet oħra kritiċi f’ħafna żoni, primarjament minħabba r-riħ qawwi fejn kellhom jitwettqu ħafna nterventi ta’ salvataġġ mill-brigati tat-tifi tan-nar.

Il-Lombardija, l-Emilia Romagna, it-Toskana, l-Umbria, Lazio u l-Campania kollha raw problemi u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza minħabba t-temp ħażin.

Fil-Piemonte, preċiżament ġewwa Valtellina, il-muntanji ta’ Bergamo u l-Appenini ta’ Parma raw l-ewwel silġ. Kienu rappurtati wkoll trombi ta’ l-arja f’Rosignano, qrib Livorno, f’Salerno u f’Gioia Tauro fil-Kalabrija.

Nhar il-Ħadd, f’Ruma kien hemm bżonn ta’ madwar 100 intervent mill-pulizija lokali minħabba t-temp ikraħ li laqat il-belt.