Mewġa ta’ solidarjetà qawwija ma’ Delia

Wara li dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi stqarrija qal li l-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux u hu “għaddejjin minn perjodu diffiċli”, infirxet mewġa ta’ solidarjetà qawwija mill-Maltin, li fuq il-mezzi soċjali kitbu messaġġi ta’ kuraġġ kemm għal Delia kif ukoll għal martu.

Fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Newsbook.com.mt spikka l-kumment ta’ mara li qalet li hija Laburista iżda li jiddispjaċiha ħafna li tisma’ bi kwistjonijiet familjari. Stqarret li jkun iblah min jifraħ bi kwistjonijiet bħal dawn:

Minkejja li jidher li n-Nazzjonalisti qagħdu kawti u ftit kienu dawk li kkummentaw, aktar Laburisti urew il-fehma tagħhom dwar il-każ.

Persuna oħra qalet li hija mill-kamp politiku oppost iżda li “jiddispjaċiha ħafna minn dak li għaddejjin għaliex huwa żmien diffiċli immens u ta’ tbatija kemm għall-koppja u kemm għat-tfal”. Dan filwaqt li kien hemm aktar persuni bl-istess fehma:

Kumment ieħor bl-istess messaġġ stqarr li l-familja għanda tkun l-aktar ħaġa sagra għal kull individwu. “J’alla jsibu l-mezz kif jirranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u ma jsibux intriċċi mill-midja jew mill-poplu”, kiteb il-qarrej.

Għadd ta’ persuni talbu wkoll għat-talb biex il-partijiet isibu soluzzjoni għall-familja tagħhom:

Ftit li xejn kienu dawk li kkummentaw b’mod politiku għal din l-aħbar b’uħud anki jwissu lil xulxin biex ma jikkummentawx b’mod politiku. L-uniċi kummenti negattivi kienu relatati mal-fatt li sitwazzjoni familjari spiċċat fil-midja.

Nota Editorjali: Newsbook.com.mt ilu għal għadd ta’ ġranet jaf b’dawn id-diffikultajiet li rrefera għalihom Dr Delia. Fid-dawl ta’ konsiderazzjonijiet ta’ etika ġurnalistika, ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rispettat id-dritt għall-privatezza tal-familja ta’ Delia u Vella de Fremeaux.

Huwa veru li d-dritt tal-privatezza ta’ persuni fil-ħajja pubblika huwa wieħed limitat ħafna. Iżda għalkemm limitat, dan id-dritt jibqa’ jeżisti sakemm dak li jiġri fil-ħajja privata ma jkunx qiegħed jolqot ħażin l-eżerċizzju tal-uffiċċju pubbliku. Hekk imxejna f’każi oħra u hekk se nimxu f’dan il-każ.