Mewġ fl-art aktar perikoluż minn mewġ fil-baħar

Robert-Abela-mewġ

F’dawn il-ġranet il-Prim Ministru qal li l-baħar kien bnazzi u li allura m’hemmx mewġ fil-baħar. Dan kellu jserraħ ras ħafna nies li kienu għadhom imħassba b’dak li kien qal il-Prim Ministru xi żmien ilu li l-mewġ fil-baħar qiegħed.

Bla mewġ fil-baħar dawn setgħu jieħdu gost bis-sajf. Forsi mhux daqshekk faċli għax ħafna nies huma inkwetati b’mewġ ieħor. Il-mewġa ta’ każi ġodda ta’ coronavirus li laqtu lil pajjiżna f’dawn l-aħħar għaxart ijiem. Il-Prim Ministru, għal kuntrarju tan-nies fit-triq u tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa ma tantx hu inkwetat b’din il-mewġa ġdida ta’ każi ta’ coronavirus.

Dan in-nuqqas ta’ tħassib u nkwiet urieh waqt li ġie intervistat minn Karl Stagno Navarra li l-Gvern jagħtih għexieren ta’ eluf kbar ta’ ewro fis-sena biex suppost jagħmel xogħol ta’ konsulent tal-Air Malta. Tul l-intervista l-Prim Ministru deher jitfa’ t-tort ta’ din il-mewġa fuq l-immigranti li waslu Malta u li nstabu pożittivi għall-coronavirus.

Kemm u meta żdiedu l-każi?

Ejja naraw kif kienu ċ-ċifri tal-każi ġodda biex naraw jekk il-Prim Ministru għandux raġun. Il-Ħadd 26 ta’ Lulju l-Prim Ministru indirizza lid-delegati Laburisti f’Bormla. Qalilhom li kuntent li żamm kellmtu li n-nies jieħdu gost bis-sajf għax il-coronavirus taħt kontroll. Kien għadu bilkemm spiċċa d-diskors li ma faqqgħetx il-bomba tan-numri. Is-Sibt kien hemm 14-il każ. U jekk tħalli barra s-27 ta’ Lulju mill-ewwel tinduna li l-każi bdew jiżdiedu minn qabel ġew l-immigranti fit-30 ta’ Lulju. Il-każi baqgħu jiżdiedu anke meta miċ-ċifri tneħħi dawk tal-immigranti. Il-fatti huma fatti.

  • 29/07/2020: 12-il każ
  • 30/07/2020:  9 każi
  • 31/07/2020: 10 każi
  • 01/08/2020: 21 każ
  • 02/08/2020: 15-il każ
  • 03/08/2020: 14-il każ
  • 04/08/2020: 16-il każ

Il-virus infirex għax illaxkajna mhux għax ġew l-immigranti

Dr Melillo, konsulenta fil-qasam tas-saħħa pubblika qalet fuq Newsbook.com.mt u fuq 103 Malta’s Heart li “illaxkajna u l-virus reġa’ beda jinfirex”.

Hija saħqet li l-awtoritajiet tas-saħħa dejjem qalu li l-virus la miet u lanqas sparixxa, minkejja li ma kellniex każijiet. Enfasizzat li meta bdejna noħorġu, żammejna d-distanza, ilbisna l-maskri u konna naħslu idejna, “imma mbagħad meta n-nies illaxkaw u bdew ġejjin it-turisti minn barra, il-virus reġa’ beda jinfirex”.

Tort tiegħek mhux tal-immigranti – il-MAM

L-unjin tat-tobba, il-MAM, ilha tikkritika lill-Gvern li fetaħ kmieni wisq u li ma kellux iħalli jsiru parties u attivitajiet oħra tal-massa (Interessanti li issa anke l-President tal-MHRA Tony Zahra qal li jidher li għaġġilna wisq biex niftħu). Il-MAM, it-Tlieta filgħodu qalet li mhux sew li l-PM waħħal fl-immigranti biex jgħatti d-deċiżjoni żbaljata li għamel hu. Huma saħqu li t-tort taż-żieda hu tad-deċiżjoni li ħa l-PM bil-maqlub ta’ dak li kienet qaltlu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, jiġifieri li m’għandux iħalli parties.

Argument simili għamlitu l-NGO Repubblika. Ħadd mill-immigranti ma kien għall-festa ta’ Santa Venera, għall-party fil-lukanda Radisson u fl-istabbilimenti f’Paceville. Dan ifisser li l-firxa lokali m’għandha xejn x’taqsam mal-immigranti salvati fuq il-baħar. Repubblika qalet li l-firxa lokali hija biss riżultat tal-ftuħ mill-ġdid tal-ivvjaġġar, partikolarment minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u Spanja. Qalet li hija wkoll riżultat tal-permess li ngħata li jsiru avvenimenti tal-massa.

Mhux sew li l-PM jitkellem hekk

Huwa ħażin ħafna li l-Prim Ministru jgħid affarijiet li huwa jaf li mhux korretti. Il-PM jaf li ż-żieda mhix tort tal-immigranti iżda tort tal-clusters kbar mill-parties u mill-marċijiet, fost l-oħrajn. Allura għax qed jgħid mod ieħor?

Huwa ħafna agħar li fix-xenarju xenofobiku u razzista li ngħixu fih il-Prim Ministru jwaħħal fl-immigranti. Diskors ieħor b’laqtiet xenofobiċi għamlu bħal Ħadd li għadda ġimgħa. Il-Prim Ministru ma jindunax li diskors bħal dan ikebbes fjammi li aħna nixtiequ nemmnu li huwa ma jiħux gost li jitkebbsu?

Irridu trasparenza

Din iż-żieda allarmanti titlob trasparenza assoluta minn naħa tal-Gvern. In-nies għandhom dritt għall-informazzjoni sħiħa u korretta. L-Awtoritajiet tas-Saħħa għandhom jibdew il-konferenzi tal-aħbarijiet li kienu jagħmlu kuljum meta ċ-ċifri kienu bħal ta’ issa u anqas. Imma jridu jkunu konferenzi tal-aħbarijiet fejn it-tweġibiet ikunu sħaħ u ċari mingħajr ħafna tidwir mal-lewża. Hekk biss in-nies jista’ jkollhom moħħhom mistrieħ li jistgħu jafdaw dak li jkun qed jgħid il-Gvern.