Metsola u Dalli jiftħu l-kanuni għal xulxin

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola ċaħdet dak li qed jgħidu l-MPEs Laburisti, Alfred Sant u Miriam Dalli dwar il-vot li ttieħed fuq il-ħarsien tal-liġijiet (Saltna tad-Dritt) fl-Ungerija.
Alfred Sant u anke Miriam Dalli, qed jisħqu li l-Ewroparlamentari Nazzjonalista vvutat mod dwar Malta iżda vvutat mod ieħor meta ttieħed vot simili dwar l-Ungerija.
Fi stqarrija, Roberta Metsola qalet li huwa “tad-dwejjaq” tara lil Alfred Sant u lil Miriam Dalli “f’paniku” jgħidu li hi vvutat differenti dwar l-Ungerija.
Fakkret li s-sitwazzjoni fl-Ungerija ilha tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew għal żmien twil u li d-Delegazzjoni Nazzjonalista dejjem talbet li tittieħed azzjoni biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-liġijiet (Saltna tad-Dritt) fil-pajjiż.
Qalet li l-uniku darba li l-Parlament Ewropew vvota dwar il-bżonn ta’ investigazzjoni fl-Ungerija kien fis-17 ta’ Mejju li għadda u saħqet li d-Delegazzjoni Nazzjonalista vvutat favur (ara r-rapport hawn taħt).
Dan iżda qed ikun miċħud mill-MPE Miriam Dalli li fi kliemha Metsola qed tipprova “tiddefendi l-vot li ħadet 13-il jum biss ilu, fis-sitta ta’ Novembru, biex ma tintbagħtx delegazzjoni fl-Ungerija biex tinvestiga il-ħarsien tal-liġijiet fil-pajjiż.”
Metsola saħansitra bagħtet lill-midja ħolqa għal filmat tad-diskors li għamlet hi meta fil-Parlament Ewropew attenda l-Prim Ministru Ungeriż u li fi kliemha, waqt l-istess dibattitu, Sant u Dalli baqgħu siekta.
Intant, Miriam Dalli qed tibqa’ tisħaq li “tipprova kemm tipprova biex idawwar il-fatti, il-fatt jibqa’ li meta ġie ċ-ċans, Dr Roberta Metsola iddeċidiet li bil-vot tagħha tipproteġi lill-Gvern tal-Partit Popolari Ewropew fl-Ungerija.
Dalli qalet li Dr Metsola qed tipprova taljena lin-nies minn dan il-vot li fi kliemha ttieħed fil-kumitat tal-Liberitajiet Ċivili (LIBE) u huwa ppubblikat uffiċjalment (ara r-rapport hawn taħt).
Qalet li bil-vot, il-Partit Popolari Ewropew (PPE), inkluż Roberta Metsola, riedu jaċċertaw ruħhom li  l-ebda delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ma tintbgħat l-Ungerija biex tinvestiga l-ħarsien tal-liġi.
Fi kliem Dr Dalli, din hi nuqqas ta’ konsistenza u ipokrezija sfaċċata.
Iżda dwar il-vot li għalih qed tirreferi Dr Dalli, Roberta Metsola saħqet li l-vot ma kienx biex ma ssirx investigazzjoni fuq l-Ungerija imma biex flok tmur delegazzjoni mill-Parlament Ewroprew fl-Ungerija, ġaladarba dan kien diġà seħħ, ikunu l-Ungeriżi li jmorru Brussell.
Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew għadda b’maġġoranza kbira mozzjoni bi kritika ħarxa kontra l-Gvern Malti. Il-mozzjoni kellha appoġġ qawwi mill-gruppi differenti fil-Parlament Ewropew. Minkejja li l-Partit Laburista jappartjeni għall-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kienu ftit biss minn dan il-partit illi ivvutaw kontra l-mozzjoni.
Intant, waqt Follow-Up fuq RTK, L-Ewroparlamentari Frank Engel, mill-PPE saħaq li jekk il-Gvern Malti jibqa’ ma jiħux passi biex jassigura li l-liġi tiġi osservata minn kulħadd, huwa lest li flimkien ma’ sħabu fil-Parlament Ewropew jattivaw Artiklu 7 tat-trattat tal-Unjoni Ewropea. Fakkar kif  f’Mejju li għadda, il-Parlament Ewropew talab li jidħol dan l-istess artiklu fil-konfront tal-Ungerija.