Metsola u Casa eletti bħala Koordinaturi għall-Grupp tal-PPE

Il-Membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa ġew eletti unanimament bħala Koordinaturi għall-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fil-kumitati Parlamentari rispettivi tagħhom. Roberta Metsola ġiet eletta bħala Koordinatur tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, filwaqt li David Casa ġie elett bħala Koordinatur tal-Grupp fi ħdan il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Iż-żewġ Membri tal-Parlament Ewropew kellhom dawn lir-rwoli fil-leġiżlatura preċedenti.

Il-kariga ta’ Roberta Metsola waslet wara li ntgħażlet biex tmexxi n-negozjati f’isem il-Grupp tal-PPE għall-programm ta’ prijoritajiet għall-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin. Fi stqarrija, Metsola qalet li permezz ta’ din il-kariga se tkun tista’ tħalli t-timbru ta’ Malta fuq leġiżlazzjoni kruċjali għall-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin. Hi qalet ukoll li se tkun qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tħallas lura l-fiduċja li wriha l-poplu meta vvutalha.

Bħala Koordinatur tal-Grupp EPP għall-Kumitat imsemmi aktar kmieni, l-MEP David Casa se jmexxi l-MEPs tal-grupp tiegħu fil-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u l-leave tal-ġenituri. David Casa enfasizza li d-drittijiet ipprovduti mid-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħul u l-Ħajja għandhom jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun biex ikun żgurat li l-familji Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn drittijiet ġodda bħall-paternità u titjib tal-leave tal-paternità, kif ukoll il-leave tal-carers.