Metsola titlob lill-KE biex teżamina l-ftehim tal-bejgħ tal-isptarijiet

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina bir-reqqa l-ftehim li sar bejn il-Vitals Global Healthcare (VGH) u l-Gvern.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Popolari Ewropew, Metsola saħqet li l-katina dubjuża ta’ avvenimenti li wasslu biex ingħatat il-konċessjoni tal-isptarijiet, fi kliemha tqajjem dubji dwar il-passi li l-Gvern qed jgħid li qed jieħu kontra l-korruzzjoni.
Fi kliemha dan il-ftehim jolqot settur kritiku għal Malta, li jaffettwa s-saħħa pubblika u d-drittijiet tal-pazjenti.
Hi talbet lill-KE tuża dak kollu għad-dispożizzjoni tagħha biex teżamina d-dettalji tal-ftehim bir-reqqa, kif ukoll biex tara jekk inkisrux xi direttivi li għandhom x’jaqsmu mal-akkwist pubbliku fl-UE.
Sejħet lill-Kummissjoni Ewropea biex ikun stabbilit mekkaniżmu madwar l-UE li jkun qed jagħmel moniteraġġ tal-istat tar-rispett lejn il-liġi (saltna tad-dritt), id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri. Qalet li se tkun qed tinsisti fuqha fix-xhur li ġejjin flimkien mal-gruppi politiċi l-oħra.
Fil-jiem li għaddew, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża l-Qorti biex il-ftehim jiġi annullat.
Intant il-Partit Laburista f’reazzjoni saħaq li Metsola ‘ma ħaditx it-tagħlima’. Fi kliemu ‘ma jiswa xejn li tmur titkellem’ kontra Malta fi Brussell. Il-PL kompla jakkuża lil Metsola li l-unika għan tagħha huwa li tipprova tħammeġ isem Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Skont il-PL, il-Partit Nazzjonalista jrid igerrex l-investiment mill-Istati Uniti.