Metsola titlob laqgħa urġenti mal-Viċi President tal-KE dwar Electrogas

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola talbet laqgħa urġenti mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Margrethe Vestager dwar il-ftehim fuq il-powerstation tal-Electrogas, wara li fil-qorti llum ġiet implikata rabta bejn il-powerstation u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-smigħ tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil illum, xehed Melvin Theuma, li huwa s-sensar fl-assassinju. Theuma kkwota lil Yorgen Fenech jgħid li b’tal-Electrogas irnexxielu, li l-ftehim mar sew u kif suppost, imma bil-qtil qed iħossu f’gaġġa.

Yorgen Fenech kien sid it-Tumas Group sakemm irreżenja qabel ġie arrestat f’Novembru li għadda, bl-akkuża li huwa l-mandant fil-qtil tal-ġurnalista. Bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih. Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black, u kien direttur tal-Electrogas, u shareholder ewlieni. Il-ftehim ta’ din il-powerstation, li ġie ffirmat f’April tal-2015, kien wieħed li qajjem kontroversja. Metsola kitbet li Malta ħafna drabi tħallas rata ogħla għall-elettriku mill-pajjiżi Ewropej l-oħra.

L-Electrogas Malta huwa konsorzju magħmul minn Siemens, Socar u GEM Holding Ltd (GEM Holding hi magħmula minn Gasan Group, Tumas Group u CP Holdings) li twaqqaf biex imexxi l-powerstation tal-gass.  

Fl-ittra tagħha, Metsola spjegat li meta nqatlet fis-16 t’Ottubru tal-2017, Caruana Galizia kienet qiegħda tinvestiga, fost l-oħrajn, il-korruzzjoni wara l-ftehim tal-powerstation.

Għaldaqstant, l-MEP talbet laqgħa urġenti ma’ Vestager sabiex jiddiskutu l-implikazzjonijiet ta’ dak li ġie żvelat, u x’għandha tkun il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan il-ftehim, kif ukoll jekk għandux jitqies mill-ġdid il-proċess ta’ għajnuna lill-istati mogħti mill-UE wara li ġew żvelati dawn l-affarijiet xokkanti.

Ix-xahar li għadda, il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kitbet lill-kumpanija Siemens AG fejn talbitha tiddikjara x’għarfien għandha dwar ħasil ta’ flus u kickbacks fil-ftehim tal-Electrogas Malta.

Huma kitbu, “Hekk kif kienet se tibda tesponi r-rabtiet ma’ uffiċjali pubbliċi fl-Ażerbajġan u f’Malta, Fenech beda jaħdem fuq pjan biex Daphne tiġi assassinata.”