Metsola tippubblika l-viżjoni tagħha għall-pajjiż u l-PN

Roberta Metsola
FB.com/Roberta Metsola

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola ħarġet il-viżjoni tagħha għall-istruttura politika fil-futur. F’artiklu ppubblikat mill-ġurnal Times of Malta, Metsola ħadet rendikont tas-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista (PN) fejn minn hemm ħarġet l-opinjoni tagħha ta’ x’għandu bżonn il-partit u l-pajjiż biex joħroġ mis-sitwazzjoni diffiċli tal-preżent.

“Il-mudell politiku li l-PN żviluppa wara l-1971 wassal lill-pajjiż għad-demokrazija, ġid u ugwaljanza, imma jekk irridu nwasslu lil Malta u lil Għawdex għal-livell li l-ġenerazzjoni tiegħi kienet imwiegħda, irridu noħolqu xi ħaġa aktar b’saħħitha u li tirreżona maż-żminijiet tagħna,” kitbet Metsola. Qalet li “l-medjokrità ta’ dan il-gvern” mhux standard aċċettabbli u Malta għandha tkun definite minn eċċellenza.

Ideat mhux konnessjonijiet

Hi u tiffoka fuq is-sostenibbiltà, Metsola qalet li l-ambizzjoni tal-investiment tas-settur privat għandu jkun milqugħ minn gvern li jkun kommess għalih. Qalet li dan għandu jkun tali mod li “ma jkollokx idejk marbutin b’tejp aħmar jew tixħim li taħseb li għandek tħallas. Fejn l-ideat għandhom valur akbar mill-konnessjonijiet. Fejn il-prosperità ddur madwar ix-xogħol li wieħed jagħmel u mhux il-patrunaġġ politiku. Fejn li wieħed jimxi mar-regoli irendi aktar profit milli wieħed jiksirhom u fejn l-infurzar u l-ugwaljanza jfisser li jkun hemm ambjent ekwu għan-negozji kollha – inkluż l-SMEs u n-negozju tal-familja.”

Mudelli fiskali sostenibbli

Metsola qalet li l-mudelli fiskali li hemm fis-seħħ b’suċċess għal kumpaniji barranin għandhom ikunu estiżi għal aktar setturi tal-ekonomija li għandhom bżonn l-inċentiv biex jaqbżu l-iskala tal-ekonomija ta’ Malta. “Fejn l-ekonomija tagħna tkun iddisinnjata għall-benefiċju fit-tul tal-popolazzjoni, mhux l-immedjatezza ta’ ċikli fejn ikun hemm suċċess segwit minn telf. Fejn ninvestu fil-poplu tagħna, fil-kumpaniji tagħna, fil-politiki tagħna, fl-għalliema tagħna, fit-tobba tagħna, fl-infermiera tagħna, biex nilħqu l-wiegħda tal-pajjiż,” kitbet l-MEP.

Nonoraw lill-midja

Metsola tkellmet ukoll dwar id-demokrazija u l-problemi madwarha. Hi qalet “fejn il-midja u l-irwol tal-ġurnalisti jkun rispettat u onorat. Fejn il-gvern jifhem li l-futur tal-ekonomija huwa ħaġa waħda mad-demokrazija, li tinkludi lill-midja. Fejn li wieħed jaħseb b’mod kritiku jkun parti mill-edukazzjoni fl-iskejjel sa mill-ewwel jum u li jintwera li din hija aktar importanti minn konnessjonijiet politiċi biex issib xogħol. Fejn il-bniet u s-subien ikollhom ċans ekwu biex jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom. Fejn l-irwol tal-Gvern huwa iżgħar, inqas intrużiv, u fejn wieħed jitħalla jopera taħt sett ta’ regoli ċari applikati b’mod ekwu għal kulħadd. Fejn ħadd ma jkun abbandunat. Fejn it-teleworking isir in-norma u mhux l-eċċezzjoni, billi jżid il-produttività, it-tkabbir u jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku li qed timla t-toroq u l-pulmuni.”

Flimkien għall-ambjent

Hi ħarset ukoll lejn is-sitwazzjoni tal-ambjent u kitbet tgħid: “Aħna jistħoqqilna li jkollna l-aħjar liġijiet tal-ippjanar li jista’ jkollna, fejn ir-restawr isir industrija fih inniffsu. Fejn l-industriji tal-kostruzzjoni u r-restawr jaħdmu flimkien għall-istess għan. Flimkien. Fejn l-ODZ ifisser ODZ. Fejn għal kull metru ta’ konkrit, tiżra żewġ metri ta’ siġar. Fejn id-disinn u l-estetika għandhom importanza akbar, fejn iċ-ċentri tal-villaġġi tagħna huma ppreżervati u l-pjazez jingħataw lura lir-residenti. Fejn l-awtoritajiet tagħna jitrattaw lil kulħadd bl-istess mod. Fejn kull villaġġ għandu ġnien li jservi bħala pulmun għall-poplu li jgħix hemm.

Is-Saltna tad-Dritt

Is-Saltna tad-Dritt kien suġġett ieħor fil-viżjoni ta’ Metsola. Hi kitbet li l-ġustizzja għandha bżonn tkun ippreservata u li tidher li qed isseħħ. Qalet li Malta għandha tkun pajjiż “fejn il-liġi u l-ordni jingħataw ir-riżorsi u r-rispett li jistħoqqilhom u fejn jitħallsu aktar mill-kriminali li jridu jarrestaw. Fejn tkun irrestawrata l-fidi fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Fejn l-infurzar tal-liġi ma jistax jittieħed bis-serjetà jekk tirrifjuta li tinvestiga l-politiċi. Huwa żmien li jkunu kkreati sistemi fejn l-awtoritajiet għandhom ikunu ‘l bogħod mill-korruzzjoni kemm jista’ jkun, fejn ikun hemm checks and balances u fejn il-lealtà tal-politiċi tkun lejn il-ġid komuni.”

“Ninbidlu jew immutu”

Hi sostniet li biex dan isir, il-Partit Nazzjonalista l-ewwel għandu bżonn ikun f’pożizzjoni li jirbaħ l-elezzjoni. “Dan ifisser li hemm bżonn li l-partit jirranġa lilu nniffsu. Irridu nfiqu. Irridu ntemmu l-ġlied intern, inwaqqfu l-paroli fuq il-midja soċjali, nħallsu d-dejn, nirriformaw il-mod kif nagħmlu l-politika, ngħinu kandidati ġodda jikbru, jkun ikkreat spazju għal kulħadd u nkunu onesti dwar il-fallimenti tagħna. Hemm bżonn naqtgħu linja u ngħafsu l-buttuna. Irridu nimxu fuq pjanijiet future u mhux fuq in-nostalġja. Din mhix mistoqsija ta’ lil min irridu nwieġbu imma “għaliex”.”

Hi kkonkludiet tgħid li la hi u lanqas ħadd aktar ma hu interessat “f’aktar mill-istess”. Insistiet li l-viżjoni tagħha tibqa’ ċara: “jew se ninbidlu jew se mmutu”.