Metsola tintgħażel fil-grupp tal-MEPs għas-Saltna tad-Dritt

Read in English.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ntagħżlet bħala parti mill-grupp ta’ MEPs li jħarsu r-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt). Newsbook.com.mt kien preżenti għall-ftuħ tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Stqarrija spjegat li dan sar propju 700 jum mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Malta. Ilbieraħ, il-Parlament Ewropew qabel li l-mandat tal-grupp għandu jiġi estiż sal-2022. Il-grupp ingħata l-kompetenza li jħares ukoll lejn it-theddid tad-demokrazija, il-ksur tad-drittijiet u l-korruzzjoni fi Stati Membri Ewropej.

Metsola ntagħżlet flimkien mal-MEP Slovakk Vladimir Biolcik bħala rappreżentati tal-Partit Popolari Ewropej. Kemm Malta kif ukoll is-Slovakkja esperjenzaw assassinju ta’ ġurnalist investigattiv. Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Malta permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Ján Kuciak u t-tfajla tiegħu Martina Kušnírová nqatlu permezz ta’ tiri ftit tax-xhur wara, fil-21 ta’ Frar tal-2018.

Metsola sostniet li hi tinsab fil-Parlament Ewropew mill-ġdid wara li l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera l-fiduċja tiegħu fiha. Qalet li għamel dan biex hi tkompli tissielet għall-valuri Ewropej. Il-grupp li se tkun fih Metsola se jħares lejn kull Stat Membru fejn se jissielet għal riformi f’dawk li hemm bżonnhom. Metsola qalet li se tkun qed tistenna li l-grupp iżur l-Istati Membri mill-ġdid fejn wara laqgħat ikun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

Il-grupp se jkompli l-ħidma tiegħu fl-analiżi ta’ Malta u l-Islovakkja fejn se jkun qed iħares lejn xi progress sar mill-pubblikazzjoni tar-rapport s’issa. Qalet li mhux fl-interess tal-grupp li jipponta s-swaba lejn xi Stat partikolari iżda se jkunu qed jaħdmu biex jgħinu lill-Istati jisaħħu aktar fejn hemm bżonn.

Permezz tal-ħidma tiegħu, il-grupp se jkun jista’ jirrakkomanda azzjonijiet speċifiċi li l-Parlament jista’ jieħu dwar is-suġġett partikolari. Il-grupp se jkun jista’ jagħmel ukoll is-suġġerimenti tiegħu lill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili għar-riżoluzzjonijiet u rapporti. Il-mandat tal-grupp se jkun miftuħ sal-31 ta’ Diċembru tal-2021. Il-grupp se jibqa’ jitmexxa mill-MEP minn Netherlands, Sophia in ‘t Veld.