Metsola tgħid ‘le’

Ritratt: European Commission / AFP / Ben Borg Cardona

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola rrifjutat li tieħu b’idejn Joseph Muscat. Dan meta aktar kmieni llum id-delegazzjoni mill-Parlament Ewropew tkellmet mal-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

F’ħin minnhom il-Prim Ministru Muscat avviċina lil Metsola biex jiħdilha b’idejha. F’dan il-mument Metsola għolliet idejha biex twassal il-messaġġ b’mod evidenti li ma’ riditx tieħu b’idejn Joseph Muscat. 

Bħalissa Metsola tinsab Malta flimkien ma’ delegazzjoni ta’ MEPs Ewropej li qed janalizzaw is-sitwazzjoni kurrenti f’Malta.

Waqt il-laqgħa Metsola staqsiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk iħossux tradut minn Keith Schembri, li għal snin twal serva bħala ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. Hi qalet li r-risposta ta’ Muscat għal din il-mistoqsija kienet ‘iva’.

Wara l-laqgħa, mal-ġurnalisti, Metsola qalet li hi tenniet ma’ Muscat l-argument li għandu jirreżenja issa. Aktar tard, permezz ta’ Tweet, Metsola qalet li huwa Muscat li tradixxa lil pajjiżu. Sostniet li jekk uscat jaħseb li seta’ jfarfar ir-responsabbiltà kien sejjer żball.

Fil-jumejn li ġejjin, id-delegazzjoni se tkun qed tanalizza s-sitwazzjoni kurrenti fil-pajjiż. L-MEPs se jkunu qed jiltaqgħu mas-soċjetà ċivili, l-Gvern Malti u l-awtoritajiet u l-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Id-delegazzjoni mistennija tasal illejla u se tkun magħmula mill-MEPs, Roberta Metsola (EPP), Brigit Sippel (S&D), Sven Giegold (Greens), Nicolaus Fest (ID), Assita Kanko (ECR), u Stelios Kouloglou (GUE). Id-delegazzjoni se tkun immexxijja mill-MEP Sophie In ‘t Veld (Renew).