Metsola ma teskludix li tikkontesta għal Kap tal-PN

Read in English.

Il-Kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola mhix qed teskludi li tikkontesta għal Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ il-Kunsilliera għażlu li t-tesserati jkollhom l-opportunità li jeleġġu kap ġdid. Hija kkonfermat ukoll li fis-siegħat li ġejjin se jkunu qed isiru diskussjonijiet interni dwar x’għandu jkun il-pass li jmiss għall-PN fejn qalet li lesta li tagħmel il-parti tagħha kull fejn ikun hemm bżonn.

Metsola qalet dan fi stqarrija fuq Facebook fejn qalet li qed tikkunsidra l-għażliet kollha u fl-istess ħin żiedet tgħid li mhux qed neskludi xejn.

Hija stqarret li r-riżultat tal-bieraħ hu ċar u minnu l-PN għandu jieħu l-konklużjonijiet biex skont Metsola “jerġa’ jsir Partit kredibbli, partit organizzat li jisma, u b’politika rilevanti li n-nies ikunu lesti li jafdaw”.

56% tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ivvutaw biex it-tesserati jkollhom l-għażla li jeleġġu Kap ġdid għall-partit.

Hija spjegat li dan mhux żmien ta’ ambizzjonijiet personali imma qalet li l-mira għandha tkun l-aqwa interess tal-Partit u tal-pajjiż. Hija temmet tgħid li l-PN għandu jinkludi lil kulħadd u ssir diskussjoni profonda u b’rispett, biex minn issa stess kulħadd jaħdem għall-għaqda u jitfejqu l-ġrieħi.

Aktar kmieni din il-ġimgħa f’artiklu fuq The Times of Malta hija ppubblikat il-viżjoni tagħha għall-PN u għall-pajjiż.

Ilbieraħ, fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet wara l-vot tal-kunsilliera, il-Kap tal-PN Adrian Delia kkonferma li se jkun qed jerġa’ jikkontesta fl-elezzjoni l-ġdida għal Kap. Wara li tilef il-maġġoranza fil-Grupp Parlamentari, tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, Delia qal li d-destin tal-PN qiegħed f’idejn it-tesserati. 

Min-naħa tiegħu, Chris Said, f’konferenza separati li fiha rrappreżenta lill-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista, qal li qal li d-deċiżjoni tal-Kunsilliera se twassal biex il-PN ikun f’pożizzjoni li jaqbad triq aħjar.