Methode Electronics ċampjins għat-tielet darba

Il-ħaddiema tal-kumpanija Methode Electronics Malta Ltd., ikomplu juru l-kapaċitajiet tagħhom mhux biss fuq il-post tax-xogħol imma anki fil-futbol.
Mill-kampjonat tal-Industries Sport Association (ISA), Methode illum ġew fi dro ta’ 1-1 kontra t-tim ta’ Trelleborg u b’dan ir-riżultat ma jistgħux jintlaħqu mit-tim ta’ Toly Products.
Dan ifisser li Methode Electronics huma diġa ċampjins minkejja li jonqoshom l-aħħar logħba kontra l-istess Toly Products.
Din il-logħba se tintlagħab nhar is-Sibt li ġej fis-2:30pm fil-grawnd tal-Imsida, fejn wara ssir il-preżentazzjoni.
S’issa Methode għandhom 17-il punt meta lagħbu sebgħa partiti li minnhom rebħu ħamsa u ġew dro darbtejn.
Minn naħa l-oħra Toly Products għandhom 13-il punt meta lagħbu sebgħa partiti li minnhom rebħu erbgħa, tilfu logħba u ġew darbtejn dro.
It-tim tal-Methode ilu jieħu sehem fil-kampjonati tal-ISA għal bosta snin.
Minkejja li kienu rtiraw fl-2001, reġgħu rritornaw bil-kbir fl-2010 meta fl-istaġun 2010/11 rebħu kollox mingħajr ma tilfu logħba waħda.
L-istess għamlu fis-sena ta’ wara u rebħu wkoll is-Super Cup.
It-tim li huwa mmexxi mill-kowċ Efrem Buttigieg dejjem ta ċans lil plejers ġodda u qatt ma ħares lejn l-ismijiet u lejn l-uċuh.
Is-sigriet ta’ Methode hu li b’mentalità rebbieħa u b’rispett lejn l-avversarji dejjem ħadmu biex iġibu s-suċċessi.
Ta’ min ifaħħar lil ISA li fil-kampjonati li torganiżża dejjem kienu ta’ livell għoli bis-sehem ta’ plejers li jilagħbu wkoll f’kampjonati oħra tal-futbol.