Meteoriti mill-ispazju jinżlu fuq ir-Russja, mijiet midruba

Dawk li jidhru li huma meteoriti mill-ispazju niżlu fuq ir-Russja b’riżultat li ndarbu mill-inqas 400 persuna.

Oġġett kbir jidher li għadda sparat fis-sema, segwit minn nar u numru ta’ spluzzjonijiet u fjammi. Fost dawk midruba hemm tfal tal-iskola. L-inċident qajjem paniku kbir hekk kif il-bini kollu qed jiġi evakwat.

Fost ir-riperkussjonijiet kien hemm saqaf enormi ta’ fabbrika li ġġarraf.

Biċċiet mill-meteoriti niżlu f’reġjun bl-isem ta’ Chelyabinsk, li mhux popolat ħafna.

Għadu mhux magħruf jekk kienitx meteorita waħda jew inkella numru ta’ meteoriti.

Meteoriti huma biċċiet tal-ġebel li jinqabdu fil-gravità, u li b’hekk jinġibdu ’l isfel u jistgħu jinżlu għal fuq id-dinja.