“Meta wieħed iħobb, iħobb bla kundizzjoni u jħobb lil kulħadd” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja simbolika tal-fjamma tal-paċi.
Din il-fjamma bdiet mill-Knisja tan-Natività f’Betlem u tissimbolizza l-paċi, l-imħabba u t-tjieba.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-President Coleiro Preca saħqet fuq il-bżonn li naħdmu favur il-paċi u l-imħabba. 
Spjegat l-esperjenzi li kellha fl-iskejjel ftit tal-ġimgħat ilu, bi tfal bi preġudizzji kontra tfal oħra. 
Coleiro Preca sostniet li l-paċi hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk li din iċ-ċerimonja tal-fjamma tal-paċi, hija ċkejkna, imma li għandha sinifikat qawwi.  
Waqt iċ-ċerimonja tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Laboratorju tal-Paċi, Emmanuel Scicluna li saħaq li ċ-ċerimonja tal-fjamma tal-paċi sservi biex iddawwal lill-mexxejja tad-dinja biex jinsew il-gwerer u jfittxu t-triq tal-paċi. 
Il-fjamma tal-Paċi tixgħel fil-Knisja tan-Natività f’Betlem, fil-post li huwa meqjus fejn twieled Ġesu’. 
Din il-fjamma ilha miżmuma mixgħula għal sekli sħaħ.
Nhar il-Ħadd, it-tliet Slaten Maġi li din is-sena ivvjaġġaw mill-Ġermanja se jwasslu l-Fjamma tal-Paċi mill-Manikata lejn il-Mellieħa, u mbagħad lejn il-Presepju ħaj f’Għajnsielem Għawdex.

Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill