Meta trid taħbi ma tiħux ġurnalisti miegħek – Michelle Muscat

X'qalet meta kienet qed tixhed fl-inkjesta dwar Egrant Michelle Muscat?

leyla-aliyeva.az

“Kieku jkun hemm xi ħaġa x’taħbi ma tiħux ġurnalisti u fotografi miegħek,” qalet il-mara tal-Prim Ministru Michelle Muscat.

Michelle Muscat qalet dan waqt li kienet qed tixhed fl-inkjesta maġisterjali li talab li ssir il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-kumpanija misterjuża Egrant. L-inkjesta kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm evidenza li turi li din hija tal-familja Muscat, però s’issa għadu mhux magħruf min kien tassew is-sid tagħha.

Fl-2014, Joseph Muscat, Keith Schembri, u Konrad Mizzi marru l-Ażerbajġan. Ħadd mill-midja lokali ma kien mistieden. Dakinhar ġew iffirmati żewġ dokumenti b’rabta mal-enerġija u mas-SOCAR. Fl-2017, The Malta Independent kitbet li dawn il-ftehimiet wasslu għat-telf ta’ miljuni ta’ Ewro għal Malta.

Michelle Muscat xhedet fit-22 ta’ April 2017. Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet ilha li semmiet l-isem tal-kumpanija Egrant minn qabel April tal-2016.

Fix-xhieda tagħha, Michelle Muscat qalet li xejn minn dak li ġie rrappurtat fil-mezzi tax-xandir ma kien veru.

Muscat qalet ukoll li ma kellha ebda forma ta’ negozju ma’ Leyla Aliyeva, it-tifla tal-President tal-Ażerbajġan. Il-ġurnalista assassinata Caruana Galizia kienet tellgħet ritratt ta’ Muscat u Aliyeva flimkien. Skont Muscat, dan ir-ritratt kien meħud fil-Palazz tal-Girgenti. Qalet li r-ritratt huwa pubbliku u li ttieħed mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI). Żiedet tgħid li jekk ikun hemm x’jinħeba, wieħed ma jiħux il-ġurnalisti miegħu.

F’April tal-2017 Daphne Caruana Galizia kienet allegat fil-blog tagħha li l-Gvern ma riedx li jkun hemm ġurnalisti Maltin waqt laqgħa skedata bejn Muscat u l-President tal-Ażerbajġan.

X’qalet aktar Michelle Muscat fix-xhieda tagħha?

  • Qalet li mhi “sid ta’ xejn”
  • L-istorja li Egrant hija tagħha hija “storja ffabbrikata”
  • Qatt ma kellha kontijiet bankarji barra minn Malta
  • L-isem tal-kumpanija Egrant semgħatu biss mill-midja
  • Lil Brian Tonna ta’ NexiaBT tafu soċjalment u miż-żmien li Joseph Muscat kien MEP
  • Taf min hi Negarin Sadr Hasheminejad (oħt Ali Sadr) għax ratha fit-tieġ ta’ Ali Sadr iżda ma kinetx tafha personalment u qatt ma ltaqgħet magħha qabel
  • Iltaqgħet mal-mara ta’ Ali Sadr xi tliet darbiet
  • Iltaqgħet ma’ Leyla Aliyeva darba u li ma kellhom l-ebda forma ta’ negozju flimkien. Leyla Aliyeva hi t-tifla tal-President tal-Ażerbajġan
  • Tgħid li qatt ma marret l-Ażerbajġan

Michelle Muscat ġiet mistoqsija wkoll dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ Michelle Buttigieg.

Fl-2016, Newsbook.com.mt kien irrapporta li Michelle Buttigieg kienet ir-rappreżentanta tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) fi New York.

Daphne Caruana Galizia kienet allegat li Buttigieg għandha negozju ma’ Michelle Muscat. Allegat li kisbu loan ta’ madwar $400,000 minn oħt sid Pilatus Bank.

X’qalet dwar Michelle Buttigieg?

  • Tafha bħala ħabiba. Kienu jiltaqgħu kull meta Buttigieg kienet tkun Malta
  • M’għandha l-ebda negozji magħha
  • Kellhom delizzju tal-ġojjellerija
  • Muscat organizzat festin id-dar tagħha li fih Buttigieg biegħet xi affarijiet. Muscat tgħid li ma kinetx involuta fil-bejgħ hi u li l-aktar ħaġa li ħadet kienet li tgħażel xi ġiżirana. Buttigieg imbagħad kienet ittihulha bħala rigal
  • Muscat tgħid li kienet il-punt ta’ kuntatt bejn xi klijenti u bejn Buttigieg. Tgħid li ma kien hemm xejn bil-kitba u li qatt ma kien hemm flus bejniethom
  • Muscat tammetti li kienet imniżżla bħala l-persuna ta’ kuntatt għas-suq Ewropew għan-negozju ta’ Buttigieg
  • Muscat kienet tgħin lil Buttigieg fis-settur tat-turiżmu. Kienet toffri l-użu tal-palazz tal-Girgenti u postijiet oħra bħal Villa Francina
  • Muscat tgħid li sa fejn taf hi Michelle Buttigieg u Negarin Sadr Hasheminejad ma jafux lil xulxin

Ir-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant ġie ppublikat mill-Kap tal-PN Adrian Delia reċentament wara li rebaħ kawża li fetaħ fil-Qorti.

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Egrant li sar mill-Maġistrat Aaron Bugeja jixħet il-lenti fuq Karl Cini minn Nexia BT. Ir-rapport jgħid li hemm diskrepanzi fit-testimonjanza li ta Cini, li skont ir-rapport, għandu jiġi investigat mill-Kummissarju tal-Pulizija, peress li dawn id-diskrepanzi jaf juru ġurament falz.

“Investigaw lil Cini” – rapport Egrant

Il-pjan biex tinħoloq entità li tara li “tippromwovi l-investiment bejn iċ-Ċina u Malta” nkixef permezz tal-inkjesta Egrant. L-entità proposta kellha tkun reġistrata Malta u “kontrollata 100% minn kumpanija holding mill-Gżejjer Verġni Brittaniċi.” Dan ħareġ minn email iddatat mill-24 ta’ Ġunju 2014.