Meta tmur is-supermarket tista’ tlaqqat il-COVID-19 mill-prodotti?

Prof. Michael Borg, li jmexxi t-Taqsima tal-Prevenzjoni tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei spjega kif wieħed jista’ jipproteġi lilu nnifsu u jnaqqas ir-riskju li jlaqqat il-coronavirus meta jasal id-dar wara xirja mis-supermarket. Iċċara li huwa żgħir ħafna r-riskju li wieħed ilaqqat il-coronavirus minħabba li jkun xtara bott li jkun messu xi ħadd pożittiv għall-COVID-19. Madanakollu għadda dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

  • Meta tasal id-dar mis-supermarket, aħsel idejk mill-ewwel
  • Aqbad biċċa ċaruta bl-ilma u bis-sapun u imsaħ il-prodotti li xtrajt
  • Importanti li l-ħaxix u l-frott jinħasel dejjem: M’hemm l-ebda studju li juri li l-permanganat (li kien jintuża dari) hu diżinfettant tajjeb.
  • Biex tiddiżinfetta l-ħaxix ixtri tablets li jintużaw biex jiġu sterilizzati l-fliexken tal-ħalib tat-trabi. Ħalli l-ħaxix fl-ilma bid-diżinfettant għal ftit minuti.

Prof. Borg spjega li meta wieħed jaħsel il-ħaxix b’dan il-mod, il-ħaxix iżomm iktar fil-friġġ għax tkun neħħejtlu l-mikrobi. “Din tgħodd għal kuljum, mhux minħabba l-coronavirus biss”.  Fakkar li jekk il-ħaxix tkun se ssajru, il-mikrobi jmutu kompletament.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn