Meta tixtru r-rigali tal-Milied, warrbu xi ħaġa għall-Istrina – Schembri

Il-Ministru għal-Ekonomija Silvio Schembri appella sabiex meta l-pubbliku jkun qed jixtri r-rigali tal-Milied, jiftakar iwarrab xi ħaġa biex jgħaddiha lill-Istrina.

Hu qal dan fid-diskors tiegħu meta żar l-attività ‘Mira għall-Istrina 2020’ b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.L-attività ttellgħet b’ħidma mill-Ministeru flimkien mal-Malta Shooting Sports Federation u l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti.

L-attività kienet mifruxa fuq tlett ijiem u għaliha kkonkorrew għadd ta’ membri mill-FKNK, kif ukoll dawk li jipprattikaw l-isports tal-plattini.

Il-President tal-Malta Shooting Sports Federation Pierre Montebello qal kif l-attività hija mifruxa fuq siti differenti; Shooting Range ta’ Ħal Qormi, Bidnija Shooting Range u Southern Shooting Club, li fihom il-parteċipanti qed jipprattikaw delizzju u sport tagħhom, li jvarja minn plattini għal air weapons. Lucas Micallef mill-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti faħħar l-inizjattiva u stqarr li bosta kienu l-membri fi ħdan il-federazzjoni li raw li jagħtu sehemhom b’risq l-Istrina.

Fi stqarrija kien spjegat kif il-ministru Schembri fakkar bit-tnedija ta’ strinacrowdfunding.mt, pjattaformadiġitali li biha kemm in-negozji kif ukoll il-poplu qed jagħtu s-sehem tagħhom għall-karità.

“Għalhekk, inħeġġeġ sabiex fil-ġimgħat li wieħed jixtri r-rigali tal-Milied, iwarrab dik ix-xi ħaġa żgħira għall-Istrina, u flimkien nibdew l-2021 b’serenità u ottimiżmu,” qal il-Ministru Schembri.