Il-President u l-Prim Ministru jridu jiltaqgħu miegħek dan il-Milied

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President Marie Louise Coleiro Preca qed jorganizzaw avvenimenti għal żmien il-Milied sabiex jiltaqgħu mal-pubbliku.

Iltaqa’ mal-PM u martu

Jekk tixtieq tiltaqa’ mal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu Michelle Muscat, tista tagħmel dan nhar il-Ħamis 20 ta’ Diċembru.

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie spjegat li l-Prim Ministru u martu se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku fil-Berġa ta’ Kastilja bejn l-4.15pm u s-5.45pm biex jawguraw lil xulxin fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida.

Il-pubbliku se jkun jista’ jara s-swali tal-Kabinett u tal-Ambaxxaturi.

Jekk tixtieq tattendi ċempel fuq 2200 2400 biex tħalli d-dettalji tiegħek.

Iltaqa’ mal-President u r-raġel tagħha

Intant, il-President u r-raġel tagħha Edgar Preca qed jistiednu l-pubbliku sabiex jattendu għal avveniment li se jsir fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

Waqt dan l-avveniment il-President se tkun qed tilqa’ u tagħti l-awguri għas-sena l-ġdida lill-mexxejja u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u korpi kostitwiti. Se jkunu qed isiru wkoll skambji ta’ awguri ma’ għaqdiet u membri tal-pubbliku.

Dawk l-għaqdiet jew membri tal-pubbliku li jixtiequ jattendu huma mitluba li jirreġistraw l-interess tagħhom billi jċemplu fuq 2205 3352, fil-ħinijiet tal-uffiċċju.