Meta tieħu timla jdejk, meta tagħti timla qalbek – L-Imam

L-Imam Laiq Ahmed Atif għamel żjara lil Caritas Malta fejn permezz ta’ messaġġ għal dan iż-żmien tas-sena, hu qal li meta wieħed jieħu jimla idejh, iżda meta jagħti jimla qalbu.

Il-President tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta, flimkien mal-membri tal-Komunità żar lir-residenti li jinsabu fil-Komunitajiet Terapewtiċi ta’ riabilitazzjoni mid-droga ta’ Caritas Malta f’San Blas u ferraħhom b’diversi rigali. Waqt iż-żjara tiegħu ntlaqa’ mid-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, u uffiċjali oħra ta’ diversi djar f’San Blas inkluż tan-nisa.

L-Imam Atif qal li f’dawn il-ġranet għaddejjin minn żmien ferm diffiċli minħabba l-pandemija tal-coronavirus, u n-nies qed ibatu minħabba l-faqar u t-telf ekonomiku. Hemm nies li ma jistgħux jixtru xi affarijiet għall-festi, huma wkoll iridu jiċċelebraw, u jsiru parti minn dawn il-festi, iżda minħabba l-problemi finanzjarji tagħhom ma jistgħux jixtru, u għalhekk huwa imperattiv li s-soċjetà għandha tieħu ħsiebhom u tgħinhom b’kull mod possibbli.

Hu qal li kull reliġjon tenfasizza l-karità. Qal li filwaqt li jsemmi l-kwalitajiet ta’ dawk li huma ġusti u li verament jemmnu, Alla jgħid li huma dawk li ‘għandhom qalb tad-deheb’, li huma dejjem lesti biex jagħtu u juru s-solidarjetà. Għax jafu li l-ġest tas-solidarjetà jġib ferħ u sodisfazzjon tal-qalb. Għalhekk mhux biss li nirċievu r-rigali imma nagħmlu l-karità u nuru s-solidarjetà tagħna mal-oħrajn. “Għax: Meta tieħu timla jdejk, meta tagħti timla qalbek.”

Caritas Malta qalet li r-residenti kienu grati b’din iż-żjara u waqt mumenti fejn qasmu xi ħsibijiet esprimew l-apprezzament għall-kliem ta’ kuraġġ tal-Imam, tar-rigal li ta lil kull resident u talli ħaseb fihom f’dawn iż-żminijiet li għalihom jinħassu iktar diffiċli ’l bogħod minn dawk għeżież għalihom.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, spjega li din il-laqgħa tfisser ferm għall-Caritas għax tagħti xhieda tal-għaqda bejn ir-reliġjonijiet fl-umanità u s-solidarjetà lejn ħutna fil-bżonn. Gatt esprima apprezzament lejn l-Imam Laiq Ahmed Atif, li f’dawn il-ġranet ta’ ferħ, jiftakar f’persuni li għaddejja minn tbatijiet u żjarat bħal dawn ifissru ħafna għax il-persuna tħoss li barra l-bibien tal-komunitajiet, hemm min qed jaħseb fiha. Irringrazzjah ukoll tal-ġest li ferraħ il-Komunitajiet terapewtiċi kollha  b’affarijiet ta’ ħlewwa għal dawn il-ġranet ta’ festi.