Meta tidħol fis-seħħ il-politika dwar il-pompi tal-fuel? – Azzopardi

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista (PN) Jason Azzopardi talab li ssir laqgħa fi ħdan il-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex il-kumitat jiġi infurmat dwar meta se tidħol fis-seħħ ir-reviżjoni tal-politika dwar il-pompi tal-fuel tal-2015.

Fuq Facebook, Azzopardi qal li kiteb liċ-Chairperson tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent biex dan isejjaħ laqgħa. Azzopardi qal li l-aħħar darba li l-Kumitat iddiskuta l-Fuel Stations Policy riveduta kien fil-25 t’April 2018.

Azzopardi spjega li fl-aħħar ta’ April 2019 l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ippubblikat il-politika kif proposta li tkun riveduta. Kompla jgħid li fl-14 ta’ Gunju 2019 għalaq il-perjodu għas-sottomissjonijiet tal-pubbliku dwarha.

Fi kliem Azzopardi bħalissa qed jidhru applikazzjonijiet dwar pompi quddiem il-PA. Qal li m’hemm xejn xi jżomm milli tittieħed deċiżjoni dwarhom abbażi tal-politika tal-2015.

Azzopardi qal li jemmen li l-Kumitat għandu jkun infurmat dwar meta se tidħol fis-seħħ ir-reviżjoni.

Azzopardi talab ukoll biex is-soċjetà civili tkun mistiedna biex tipparteċipa fid-diskussjoni.

Il-Moviment Graffitti kien talab lill-PA twaqqaf kull applikazzjoni għall-pompi tal-petrol sakemm il-politika l-ġdida tidħol fis-seħħ.

Moviment Graffiti jħeġġeġ biex jitneħħew il-lakuni mill-Policy tal-Pompi tal-Petrol