​“Meta tibda tonqos il-libertà tal-espressjoni, tiżdied il-mibegħda”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Belarussi Michael Janczuk saħaq li meta tibda tonqos il-libertà tal-espressjoni, wieħed jibda jara żieda fil-kliem ta’ mibegħda.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Michael Janczuk qal li l-libertà tal-espressjoni tibda tinbidel ukoll fil-libertà tal-insulti. Żied jgħid li dan imbagħad jibda jwassal għall-imwiet.
Spjega kif sinjal ieħor li wieħed jibda jinnota li bdiet tonqos il-libertà tal-espressjoni hu meta n-nies jibdew jevitaw milli jitkellmu ma’ xulxin b’mod ħieles. Madanakollu, huwa qal li ma jaħsibx li Malta diġà waslet f’dan l-istat. Però stqarr li din hija r-realtà f’pajjiżu, il-Belarussja.
Filwaqt li qal li l-libertà tal-espressjoni hija kunċett universali li għandha tkun preżenti f’kull livell tas-soċjetà, Janczuk appella liċ-ċittadini Maltin biex jieħdu azzjoni malli jibdew jarawha tonqos. Sejjaħ għar-rispett lejn il-proxxmu u biex il-Maltin ma jimminawx id-demokrazija.
Michael Janczuk ġie Malta biex jitkellem waqt attività dwar il-libertà tal-espressjoni li kienet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.
Waqt id-diskors tiegħu huwa qabbel il-libertà tal-espressjoni mal-arja. Qal li din kapaċi tibda tonqos u jkun hemm mument li fih in-nies ikollhom jibdew jieħdu struzzjonijiet minn dawk li huma fil-poter, jew dawk li għandhom kontroll fuq il-pompa tal-arja.
Janczuk tkellem ukoll dwar għadd ta’ ġurnalisti li ġew maqtula fil-Belarussja minħabba xogħolhom.
Fis-16 ta’ Ottubru li għadda, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ġiet assassinata fi splużjoni fil-karozza li kienet qed issuq ftit ‘il-bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija.