“Meta tfasslu l-baġit, ħarsu lejn il-miri politiċi tagħna, mhux in-numri”

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal lill-Kummissarju Ewropew għall-Baġits, Gunther Oettinger, sabiex l-Unjoni tħares lejn il-miri politiċi tal-membri meta tiġi biex talloka baġit għalihom, u mhux lejn il-perċentwali.
Bħalissa qed jiġi diskuss il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE, li fost l-oħrajn jirrigwardja l-ammont ta’ fondi allokati lil kull Stat Membru bejn l-2020 u l-2027.
Qed jingħad li Malta jista’ jkun ma tirċevix fondi daqs kemm irċeviet fl-aħħar ftehim, u dan minħabba li sejra tajjeb ekonomikament.
Madankollu Muscat qal il-ġimgħa l-oħra li mhux se jaċċetta l-argument li għax Malta sejra tajjeb ekonomikament, mela ħaqqha tirċievi inqas fondi Ewropej.
Sadanittant, illum fil-laqgħa ma’ Oettinger sostna li dak li hu tajjeb għall-istati membri tal-Unjoni Ewropea, hu tajjeb għall-istess Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju Ewropew Oettinger qal li l-għan tal-Kummissjoni Ewropea hu li tisma’ biex fl-aħħar mill-aħħar fil-baġit ikun hemm preżenti dak li qed jistennew l-Istati Membri mill-istess Unjoni.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill